F’komunikat lill-Provinċja, il-Provinċjal ħabbar li l-Pirjol Ġenerali qiegħed jiddispensa lill-Provinċja Agostinjana Maltija milli tiċċelebra l-Assemblea Provinċjali Intermedja 2020. L-Assemblea Provinċjali kellha tiġi ċċelebrata filfatt fis-27, 28 u 29 ta’ Ottubru fis-Sala San Nikola f’Ħal Tarxien b’forma adattata għal-limitazzjonijiet li ħolqot il-Pandemija Covid 19. Dan wara li l-istess Assemblea kienet ġiet posposta mid-data oriġinali tagħha li kellha tkun f’April ta’ din is-sena. Madanakollu wara li wieħed qies iċ-ċirkustanzi, inħass li ma jkunx prudenti li l-patrijiet minn kunventi differenti jinġabru għal tlitt ijiem ta’ diskusjonijiet.
L-Assemblea Provinċjali hija sensiela ta’ laqgħat u diskussjonijiet li jsiru wara sentejn mill-Kapitlu Provinċjali Ordinarju bl-iskop li, f’ambjent fratern, issir evalwazzjoni tal-mixja tal-Provinċja partikolarment fis-sentejn li jkunu għaddew. Hija tagħti spazju wkoll biex fid-dawl tar-realtà preżenti jkomplu jinstabu modi kif il-ħajja u l-inizjattivi tagħna, partikolarment il-programm tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju ta’ qabel, jistgħu ikun aktar effettivi.
Sadanittant fil-jiem li għaddew il-Provinċjal għamel laqgħa fis-sitt komunitajiet tal-Provinċja u fiha ppreżenta l-materjal li kellu joffri spunt għad-diskussjoni fl-Assemblea. Fost dawn hemm l-evalwazzjoni tiegħu u tal-Kunsill Provinċjali li għandhom iservu bħala punt tat-tluq biex fix-xhur li ġejjin tkompli ssir riflessjoni bil-modi u mezzi li jippermettu ċ-ċirkustanzi ta’ madwarna.