Il-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani xtaqet li f’Malta titwaqqaf Fraternita’ Agostinjana Sekulari (FAS). Għalhekk waqfet kummissjoni ad hoc biex tistħarreġ din il-possibilta;’ taħdem fuq statut u tħejji programm ta’ formazzjoni għal dawk il-lajċi li huma nteressati li jkunu parti minn din il-Fraternita’.
Il -Fraternitajiet Agostinjana Sekulari fl-Ordni Agostinjan huma magħmula minn insara kattoliċi, rġiel u nisa li jinsabu fid-dinja u fil-qalba tal-Knisja. “Qalb waħda u ruħ waħda f’Alla”, huma jgħixu l-vokazzjoni tagħhom tal-magħmudija flimkien, impenjati li jaqsmu s-sejħa nisranija għall-qdusija mill-perspettiva Agostinjana, magħqudin b’rabta speċjali mal-Ordni Agostinjan.
L-Ordni ta’ Santu Wistin sa minn kmieni rawwem fi ħdanu numru ta’ lajċi, li filwaqt li jibqgħu jgħixu l-ħajja tagħhom fid-dinja, jissieħbu, bħala parti integrali, fil-għan u l-missjoni tal-Ordni billi jixorbu mill-istess għajn ta’ spiritwalità imsejsa fuq il-prinċipji dejjiema tar-Regola ta’ S. Wistin u tat-tradizzjoni sekulari tal-Ordni, f’sehem mill-kariżma għas-servizz tal-Knisja.
L-għan prinċipali tal-Fraternitajiet huwa li l-aħwa jkunu jafu u jgħixu s-sagrament tal-magħmudija fid-dinja mill-perspettiva tal-Ispiritwalità u t-tradizzjoni Agostinjana. L-aħwa jiltaqgħu biex jaqsmu bejniethom il-fidi u l-ħbiberija. Il-fidi hija d-don kbir li tana Alla, il-ħbiberija hija l-iktar ħaġa prezzjuża li tista’ tingħata lil xulxin.
Ill-Fraternita’ Agostinjana Sekulari titwaqqaf uffiċjalment b’digriet mill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan. B’hekk il-membri tal-Fraternita’ isiru parti integrali mill-Familja Agostinjana bħala Terzjarji Agostinjani jew bħala Lajċi Agostinjani.
Għal grazzja ta’ Alla kien hemm għaxar persuni li kienu nteressati li jkunu membri f’din il-Fraternita’, fosthom tliet koppji miżżewġin. Għalhekk nhar it-Tnejn, 19 ta’ Ottubru 2020, lejliet it-tifkira tal-Martri Santa Madalena ta’ Nagasaki, Terzjarja Agostinjana, saret l-ewwel laqgħa għal dawn il-lajċi. Minħabba l-prekawzjonijiet tal-pandemija tal-Covid-19, ġie deċiż li l-laqgħa ssir online. Fil-laqgħa kienu preżenti l-Provinċjal, Fr. Leslie Gatt u l-Assistent Reliġjuż tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani, Fr. Franco Grech. Waqt din l-ewwel laqgħa, il-Provinċjal tkellem dwar ir-rwol tal-lajċi fil-Knisja. Il-Provinċjal tkellem ukoll li din il-Fraternita’ Agostinjana Sekulari ser tkun fuq livell Provinċjali u bl-ebda assoċjazzjoni ma’ xi komunita’ lokali waħda ta’ reliġjużi agostinjani. Is-sede tagħha ser ikun il-kunvent ta’ Santa Rita f’San Ġiljan.
Il-lajċi li huma nteressati li jkunu parti mill-Fraternita’ ser ikomplu jiltaqgħu kull xahar biex jikbru iktar flimkien fi Fraternita’, fil-fidi tagħhom u fl-ispiritwalita’ Agostinjana.