94 sena ilu, ta’ tarbija tawh l-isem ta’ Stanley, imma aħna l-maġġorparti tagħna, nafuh bl-isem li għażlulu bħala reliġjuż: Prospero. Dan l-isem jiġbor fil-qosor kemm jista’ jkun f’kelma waħda s-simpatija li tattira l-memorja ta’ bniedem kbir, tal-Kardinal Prospero Grech.
Hu kellu l-grazzja mingħand il-Mulej li jirċievi s-sejħa li jimxi wara Ġesù mill-qrib. Ġesù fuqu quddiem il-Missier, jista’ jgħid li hu jsib il-glorja tiegħu permezz tal-qaddej tiegħu Prospero. “Dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek u dak li hu tiegħek huwa tiegħi u jien igglorifikat permezz tagħhom” (Ġw 17:10). Aħna nistgħu ngħidu b’sens kbir ta’ fiduċja li Ġesù gglorifikat fil-Kardinal Prospero.
Is-simpatija ta’ Prospero ġejja wkoll mill-kapaċità tiegħu li jkun bniedem tassew liberu, l-ironija tiegħu anke bih innifsu u b’dak kollu ta’ madwaru, imma l-ħarsa tiegħu mimlija simpatija lejn pajjiżu, lejn il-Knisja li tant ħabb u kien jafha tajjeb minn ġewwa bid-dlamijiet u d-dawl tagħha, kienu jirrenduh tassew għaref, bniedem li kapaċi japprezza l-umanità u jitbissmilha. Jagħraf id-dinjità ta’ kull bniedem mingħajr ma jinsa d-dgħufija tiegħu.
Dak li kien jolqtok fih, nimmaġina li huwa dak li kien jolqot f’ħafna nies, li kienu jiltaqgħu ma’ Ġesù: il-fatt li hu kien kapaċi jitkellem b’awtorità, l-awtorità ta’ min jitkellem mill-qalb. Anke kumment ċkejken tiegħu, kultant b’xi kritika ħelwa li tolqtok bħal żiffa u tibqa’ għaddejja, kont tkun taf li l-kumment tiegħu jolqtok u jgħaddi, ma jumiljakx imma għax wara hemm volontà kbira li tixtieqlek il-ġid. Meta kien jitkellem dwar Malta, bħal meta kien jitkellem dwar il-Knisja, għajnejh kienu jilmgħu bl-imħabba imma b’realiżmu profond.
Il-kelma ta’ Bin Sirak tant toqgħod għall-Kardinal Prospero: “Ibni, minn ċkunitek agħżel li titgħallem u sa ma jibjad xagħrek issib l-għerf” (Sir 6:18). Prospero ma twilidx għaref imma sar għaref. U kellu l-għerf tassew ta’ min jaf li biex tkun għaref trid titgħallem u trid taqdef u tistinka. Min jaf kemm għaddew studenti minn taħt idejh u sabu fih bniedem ta’ dixxiplina – wara kollox l-esperjenza tal-militar ma nesieha qatt – imma sens kbir ta’ rġulija, ta’ rettitudni u ta’ mħabba kbira lejn kull bniedem.
M’ilux il-Kardinal Ladaria fakkarni li darba minnhom kien qiegħed jaqsam il-Pjazza San Pietru u ltaqa’ mal-Kardinal Prospero u qallu: ‘Eminenza’ u l-Kardinal Prospero, tipikament Prospero qallu: ‘Ma non dire parolaccie’. Dan is-sens ta’ ironija ma kienx ifisser li hu ma laqax b’umiltà u b’ferħ kbir id-deċiżjoni tal-Papa Benedittu li elevah għad-dinjità ta’ Kardinal. Wara kollox hu kien it-tieni kardinal fl-istorja ta’ pajjiżna u l-ewwel wieħed bil-kunjom Grech, imma kienet din is-sens ta’ ironija li tħallih liberu.
U din il-libertà tgħallimha fl-iskola tal-ħajja reliġjuża, li fil-voti reliġjużi toftom il-bniedem mill-kilba għall-poter permezz tal-ubbidjenza, mill-kilba u r-regħba taż-żina permezz tal-kastità, u mir-regħba tal-flus permezz tal-faqar. Imma Prospero kien l-ewwel wieħed li jifhem li l-ideal huwa għoli u l-ħajja bil-fallimenti tagħha tumiljak. U għalhekk għandna bżonn tal-ironija li ma neħdux lilna nfusna b’ħafna serjetà, imma dejjem bit-tbissima realista.
Wara kollox hu obda l-kliem qaddis tal-ktieb ta’ Bin Sirak u fih seħħet ukoll il-kelma tal-profezija: “Il-madmad tal-għerf tiżjin tad-deheb u lġiemu ħabel tal-porpra” (Sir 6:30). Hu u jitlibbes il-porpra fl-2012 mill-Papa Benedittu seħħet fuqu din il-kelma ta’ Bin Sirak, fuq qaddej li kien ta ħajtu biex iwassal lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ tal-Knisja ta’ wara l-Konċilju, xewqa kbira tal-isqfijiet li aħna nerġgħu niskopru l-għajn safja tal-missirijiet tal-Knisja.
flimkien ma’ sħabu l-Agostinjani waqqaf l-Istitut Patristiku u ħeġġeġ lill-ġenerazzjonijiet ġodda, lilna, biex napprezzaw il-wirt sabiħ tal-missirijiet tal-Knisja. U f’dan is-sens kien wild tassew dehen ta’ Santu Wistin, li tant kien iħobb u għandu wieħed xi jħobb fl-Isqof ta’ Ippo. Dan il-ġgant tal-Knisja sab fi Prospero qaddej kbir li wassal l-għerf tiegħu lill-Knisja.
“Hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom? Ħa juri bl-imġiba tajba tiegħu għemilu bi ħlewwa għaqlija” (Ġak 3:13). Dawn iż-żewġ kelmiet ħlewwa għaqlija jiġbru wkoll it-tratti tal-Kardinal Prospero ma’ kull wieħed u waħda minna.
Insellmulu wkoll f’mument iebes fl-istorja ta’ pajjiżna, ma beżax jidħol bħala intermedjarju u jfittex triqat ta’ rikonċiljazzjoni. Il-ġesti tiegħu ma nftehmux u hu kellu jħallas il-prezz, imma l-Mulej għandu ż-żmien u s-siegħa tiegħu.
Nirringrazzjawh ukoll talli bil-fotografija tiegħu melles kemm-il rokna ta’ pajjiżna, tal-Italja li tant kien iħobb u pprova jiġbor is-sbuħija fl-espressjoni artistika tiegħu. Il-lambretta tiegħu ma nafx fejn spiċċat. Min jaf kemm dera. Niftakru meta sar Kardinal, qalli: ‘Qaluli għax Kardinal ma nistax insuq iżjed il-lambretta’. Ovvjament mhux għax Kardinal biss, għax kien ukoll misjur fl-età. Immaġinaw il-headlines: Cardinale si schianta con il motorino!
Nixtieq inkun naf x’qal Santu Wistin meta Prospero daħal fl-eternità, imma mhux mogħti lilna. Mogħti lilna li aħna minn hawnhekk nitolbu b’suffraġju għal ruħu, imma wkoll nirringrazzjaw lil Alla tad-don li tana fi Prospero, il-Kardinal Grech u nitolbu biex hu jinterċedi għalina fil-misteru kbir tax-xirka tal-qaddisin.
Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem.
Ammen.
Ħajr lil Arċidjoċesi ta’ Malta
Church.mt