Patri Prospero, twieled il-Birgu nhar l-24 ta’ Diċembru 1925, minn Vincent u Amelia nee Gatt u ngħata l-isem ta’ Stanley. Ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola Mater Boni Consili, ir-Raħal il-Ġdid u St. Catherine’s Tas-Sliema, u kompla l-edukazzjoni sekondarja fil-Liceo.
Fl-1943 inagħqad mal-Ordni Agostinjan fejn ingħata l-isem ta’ Prospero, u agħmel l-ewwel sentejn ta’ studju tal-Filosofija fil-Kulleġġ Teoloġiku Agostinjan fil-kunvent tar-Rabat. Fl-1946 intbagħat Ruma fejn kompla l-istudju tat-teoloġija fil-Kulleġġ Internazzjonali Santa Monika, u fil-25 ta’ Marzu 1950 kien ordnat saċerdot fil-Bażilika tal-Lateran.
Wara l-ordinazzjoni kompla l-istudju tat-teoloġija fl-Universita Pontifiċja Gregorjana fejn fl-1953 kiseb id-dottorat bit-teżi ‘The Atonement and God in Modern English Theology’. Wara kompla jistudja l-iskrittura fl-istitut Pontifiċju Bibliku ta’ Ruma sakemm fl-1952 intbagħat Malta fejn kien jgħallem fil-Kulleġġ Teoloġiku Agostinjan u fil-Mater Admirabilis Training College, ir-Rabat. Fl-istess żmien huwa serva bħala responsabbli tal-formazzjoni tal-istudenti Agostinjani. Fl-1957 inagħta Scholarship fl-univerista ta’ Oxford fl-istudju tal-lindwa Ebrajka u fl-edukazjoni u aktar tard kien mistieden jaħdem flimkien mal-Professur A. J. Arberry fl-istudju li kien qed jagħmel fl-Universita ta’ Cambridge dwar il-Letteratura Maltija u l-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila. Fl-1959 reġa lura fil-Komunità Agostinjana tar-Rabat, fejn għal sentejn oħra impenja lilu nnifsu fit-tagħlim.
Lura Ruma fl-1961, kompla l-istudju tiegħu fl-iskrittura waqt li beda jiddistingwi lilu nnifsu kemm fil-qasam akkademiku, imma anke permezz ta’ ħidmiet oħra fil-Vatikan. Fost l-oħrajn mal-wasla tiegħu Ruma kien nominat segretarju tal-vigarju tal-qdusija tiegħu il-papa għall-belt tal-Vatikan
Fil-bidu tas-snin sebgħin kien ko-fundatur tal-Istitut patristiku Augustinianianum, u ġie maħtur bħala l-ewwel president tiegħu. Barra fl-istess istitut Augustinianum, tul is-snin kompla jagħti l-kontribut tiegħu fil-qasam akkademiku f’diversi universitajiet oħra, fosthom l-Istitut Pontifiċju Bibliku, L-Universita Pontifiċja tal-Lateran u l-LUMSA. Huwa wkoll l-awtur ta’ lista twila ta’ artikli u kotba.
Fl-1984 kien nominat Konsultur tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, fl-1998 Visitatur Appostoliku għas-seminarji fl-India, bejn l-2002 u l-2003 membru tal-Kummissjoni ekumenika għal diskussjonijiet mal-Ortodossi f’Sofia, fl-2003 membru tal-Akkademja Pontifiċja Teoloġika u fl-2004 membru tal-Kummissjoni Pontifiċja Bibblika.
Minkejja l-involviment dirett tiegħu fil-qasam akkademiku, li bla dubju ta’ xejn jeħodlu ħafna mill-ħin u l-enerġija, P. Prospro kien dejjem presenza sabiħa fil-komunità Reliġjuża fejn għex u bħala saċerdot fittex dejjem li jwettaq il-ministeru pastorali tiegħu fosthom bħala assistent tar-Rinascita Christiana.
Fis-6 ta’ Jannar 2012, Il-Papa Benedittu XVI ħabbar li P. Prospero, bħala persuna ‘li ddistingwa ruħu fis-servizz lill-knisja’ kien maħtur Kardinal f’konċistorju pubbliku li sar fil-Vatikan fit-18 ta’ Frar 2012. Fid-dawl ta’ din in-nomina, huwa kien nominat anke arċisqof titulari ta’ San Leone u kien ikkonsagrat isqof fit-8 ta’ Frar 2012 fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.