inti parti minn mużajk sabiħ

462091325_smKnisja

Forsi malli nisimgħu din il-frażi Inti Pietru, u fuq din il-blata nibni l-knisja tiegħi… moħħna mill-ewwel imur fuq blata soda u allura naħsbu fil-Papa, l-isqfijiet, il-kardinali, għorrief eċċ.. insomma immorru għal irjus kbar li qegħdin imexxu l-knisja. IMMA ninsew li l-knisja hija magħmula minn diversi biċċiet, diversi persuni oħrajn. Bħal mużajk li anke l-biċċiet iż-żgħar huma importanti biex l-istampa tidher sabiħa u tagħmel sens inkella ma tkunx sħiħa. Kull biċċa tirrifletti s-sbuħija ta’ Kristu u għalhekk hija prezzjuża u essenzjali.

Min hu Ġesù?

Mattew fl-Evanġelju jistedinna naħsbu min hu Ġesù għalina, min hu Ġesù għalija… mhux min kien imma min hu.. bħalissa.. fil-ħajja tiegħi. Mhux bi frażijiet li tgħallimna meta konna żgħar imma min hu Ġesù għalija fil-ħajja tiegħi?

Interessanti li Ġesù jistaqsi żewġ mistoqsijiet…l-ewwel jistaqsi min jgħidu n-nies li hu – dak li taħseb id-dinja u infatti jirrisponduh b’ismijiet kbar u ta’ importanza kbira għal Lhud.

Imbagħad idawwar il-mistoqsija fuqhom u jolqothom fil-laħam il-ħaj – Imma intom min tgħidu li jien?

Issa mhux iktar x’taħseb id-dinja jew x’naħseb jien li hu – mhux iktar opinjoni jew impressjoni imma x’differenza jagħmel f’ħajtek? Biex tkun tista’ tirrispondi din id-domanda huwa essenzjali li tkun għixt l-esperjenza tal-Mulej. Bħalma frotta tkun tista’ tgħid li hi tajba jekk tkun doqtha, tkun għamilt esperjenza tagħha inti stess.

Id-Dixxipli u Pietru

F’din is-silta naraw lil Ġesù jistaqsi lid-dixxipli, lil dawk li kienu suppost jafuh, lil dawk li dejjem miegħu, viċin tiegħu min hu.. imma Pietru biss jirrispondi u jagħmel affermazzjoni mimlija fidi li mhux ġejja minnu bħala bniedem. Infatti Ġesù jgħidlu mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan imma missieri li hu fis-smewwiet.

Għal Pietru, Ġesù hu iktar minn profeta, huwa Messija. “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” Kristu imbagħad jgħidlu Inti Pietru (kefas) (blata)…jagħtih missjoni. Il-blata jew il-ġebla lesta li tilqa’ l-ġebel l-ieħor għall-bini. Jitolbu biex jgħin lil ħutu f’din il-mixja.

Ċwievet

Jissemmew ukoll iċ-ċwievet – li ssemmew ukoll fl-ewwel qari… f’mument fejn kien hemm tibdil fit-tmexxija.

Lil Pietru jagħtih l-imfietaħ mhux biex jagħlaq imma biex jiftaħ, biex jiftaħ beraħ…Dan hu l-iskop tal-knisja li tiftaħ il-bibien tagħha għal kulħadd..

fr. Terence Spiteri osa

Leave a Comment

Scroll to Top