Min hu?
Meta twelidt u fejn trabbejt?
Jiena mir-Rabat Għawdex u twelidt fl-4 t’Awwissu 1942
Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)?
Kont nattendi fl-iskola Primarja tar-Rabat Għawdex u l-Kulleġġ Santu Wistin li dak iż-żmien kien Ħal Tarxien. Wara komplejt l-istudji tiegħi tal-Filosofija u t-Teoloġija fil-Kunvent tagħna l-Agostinjani fir-Rabat Malta (Kunvent San Mark). L-istudji tiegħi komplejthom fil-Brażil fejn hemmhekk għamilt Diploma fil-Katekeżi (Catequética de Belo Horizonte – MG (Brasil) 29-11-1968) u wara komplejt il-liċenjzatura fil-lingwa u l-letteratura Portugiża mill-Università Estadual Mato Grosso (10-09-1979).
Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek?
Ta’ tifel kont abbati fil-knisja Santu Wistin tagħna l-Agostinjani fir-Rabat Għawdex u kont għal 5 snin ngħix fil-Kulleġġ Santu Wistin f’Ħal Tarxien bħala border. Billi kont ngħix f’ambjent Agostinjan u dejjem interessajt ruħi fil-ħidma u l-kariżma Agostinjana, meta wasal il-waqt tlabt biex nibda l-esperjenza tiegħi bħala novizz.
Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu?
Inħobb naqra, nimxi, nisma’ l-mużika u nġemma l-bolol ta’ Malta.
Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt? Fuq xhiex jittratta?
“Santo Agostinho” ta’ Peter Brown. Jitratta fuq Santu Wistin (kitbiet u l-ħajja tiegħu). “Meeting Him changed our lives” ta’ Selim Sayegh. Jitratta fuq karattri differenti mill-Evanġelju li jirrakkuntaw ħajjithom.
Għandek xi quote/saying għal qalbek?
“Timeo Deum transeuntem” li tfisser nibża’ minn Alla li jgħaddi.
Is-sejħa Agostinjana:
X’jagħmlek agostinjan?
Li naqdi fejn tkun tridni l-Knisja biex inwassal il-messaġġ tal-ferħ tal-Vanġelu. Minn mindu kont tifel dejjem kont midħla tal-patrijiet agostinjani. Trabbejt ħdejn il-kunvent tal-agostinjani r-Rabat Għawdex. Kont abbati u kont nagħti servizz lil komunità. Wara li spiċċajt l-iskola primarja mort border fil-kulleġġ Santu Wistin meta kien għadu Ħal-Tarxien. Wara li spiċċajt il-form 5 dħalt novizz u komplejt il-mixja tiegħi fil-ħajja reliġjuża. Għamilt l-ewwel professjoni sempliċi tiegħi fis-sena 1960 u ġejt ordnat saċerdot fis-sena 1967. Billi trabbejt f`ambjent agostinjan, il-vokazzjoni tiegħi nafha lir-reliġjużi agostinjani li fihom dejjem sibt għajnuna u orjentazzjoni rigward il-ħajja reliġjuża.
Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal lum
Il-kariżma tagħna hi li ngħixu flimkien ruħ waħda u qalb waħda fi Kristu. Nagħtu servizz lill-Knisja kull fejn meħtieġ. Naqdu fejn tkun tridna l-Knisja biex inwasslu l-messaġġ tal-ferħ tal-Vanġelu. Dan, illum isir f`ħafna attivitajiet tal-Ordni tagħna bħal ma huma universitajiet, kulleġġi, ċentri ta formazzjoni u spiritwalità, parroċċi, mat-tfal u żgħażagħ, fil-missjonijiet u f’diversi oqsma oħra ta promozzjoni umana u nisranija.
Min hu l-agostinjan għalik?
Agostinjan ifisser li inti trid tgħix il-ħajja tiegħek reliġjuża bbażata fuq l-ispiritwalità agostinjana. Tkun agostinjan illum ifisser li trid tagħmel minn kollox biex tgħix il-ħajja tiegħek flimkien ma’ sħabek l-oħra reliġjużi u tgħix f’armonija mal-membri tal-komunità. U tkun dejjem lest biex taqdi l-missjoni tiegħek fejn ikollha bżonnok l-Ordni Agostinjan.