Forsi nistaqsu – kif fil-festa ta’ Kristu Re qed naqraw qari iktar marbut mal-Ġimgħa l-Kbira?
Fuq is-salib li Ġesù deher bħala sultan – Dan huwa s-sultan tal-Lhud. Ġesù ma kienx sultan tal-għana jew tal-arroganza imma kien sultan-ragħaj li jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu. Sultan kien leader, u ejja niskopru l-leadership tiegħu…huwa tip ta’ leadership differenti)
- Kien jagħti l-ewwel post lil Alla
- Kien qrib tal-bniedem
- Kien joffri l-ħbiberija tiegħu lil Kulħadd
- Għandu messaġġ attrajenti
- Baqa’ fidil lejn il-missjoni tiegħu.
- Kien liberu
- Jħobb liċ-ċkejken, minsi, umli, ġenwin, u mhux lil poter.
- Kien sinċier
- Ħabb ħafna
- F’daru kellu post għal kulħadd
- Fittex il-Verità
U din naraw li Kristu huwa fiċ-ċentru. Kristu ċentru tal-ħolqien, Kristu ċentru tal-poplu, Kristu ċentru tal-istorja. Fil-fatt l-Appostlu Pawlu joffrielna dehra profonda ħafna taċ-ċentralita’ ta’ Ġesu’.
Il-ħsibijiet tagħna jkunu ħsibijiet kristjani, meta ikunu ħsibijiet ta’ Kristu.
L-għemejjel tagħna jkunu għemejjel kristjani, meta jkunu għemejjel ta’ Kristu;
il-kliem tagħna jkun kliem kristjan meta jkun kliem ta’ Kristu.
Inkomplu niffukaw u ma nitilfux dan iċ-ċentru. Ma nibdluhx ma’ affarijiet oħra. Kristu huwa ċ-ċentru tal-istorja tal-umanita’, u wkoll iċ-ċentru tal-istorja ta’ kull bniedem. Lilu nistgħu nirreferu l-ferħat u t-tamiet tagħna, in-niket u d-dwejjaq tagħna li bihom hija mgħaġuna ħajjitna. Meta Ġesu’ huwa ċ-ċentru tagħna, il-mumenti wkoll l-aktar imdalma tal-eżistenza jiġu mdawla, u jagħtina tama, kif seħħ għall-ħalliel it-tajjeb tal-Evanġelju tallum.
Illum aħna lkoll nistgħu naħsbu fl-istorja tagħna, fil-mixja tagħna. Kull wieħed minna għandu l-istorja tiegħu; kull wieħed minna għandu wkoll l-iżbalji tiegħu, id-dnubiet tiegħu, il-mumenti hienja tiegħu u l-mumenti mdalma. Jagħmlilna tajjeb f’dan il-jum, naħsbu fl-istorja tagħna u nħarsu lejn Ġesu’, u minn qalbna nirrepetu bosta drabi, imma minn qalbna, fis-skiet, kull wieħed minna: Ftakar fija, Mulej, issa li qiegħed fis-Saltna tiegħek! Ġesu’, ftakar fija għax jien irrid insir tajjeb, imma m’ghandix qawwa, ma nistax: jiena midneb. Imma ftakar fija, Ġesu’! Inti tista’. “Ftakar fija, Mulej, Inti li int fiċ-ċentru, Inti li int fis-Saltna tiegħek!”
Il-wegħda ta’ Ġesu’ lill-ħalliel it-tajjeb tagħtina tama kbira: tgħidilna li l-grazzja t’Alla hija dejjem aktar abbundanti mit-talba li tkun tennithielu. Il-Mulej jagħti dejjem aktar, huwa wisq ġeneruż, jagħti dejjem aktar minn dak li nitolbuh: itolbu jiftakar fik, u jwasslek fis-Saltna tiegħu! Ġesu’ huwa proprju ċ-ċentru tax-xewqat ta’ ferħ u ta’ salvazzjoni.
fr. David Cortis osa