Hawn jien Mulej, ġejt nagħmel ir-rieda tiegħek.
Hawn jien Mulej, ħa nmur kull fejn tmexxini għax Int sibtni f’posti
Lest biex nagħmel dak li jogħġbok.
Ħa nkun miegħek fil-mixi tiegħi
Għax kliemek, biex ma nibżax, iqawwini fi triqti
Int timlieni bil-grazzja tiegħek, għax tħobbni, maħluq kif jien fuq xbiehtek,
u la jien maħbub minneK, insib ir-raġuni biex inħares u nimxi ’l quddiem
Int tfawwarni b’nifs il-ħajja.
Fis-servizz tiegħi,
Nara l-qawwa tiegħek taħdem quddiemi
Nara l-id tiegħek issawwar l-istorja li sseħħ.
Iva… irrid ningħaqad miegħek sabiex nitgħaxxaq fil-grazzja tal-ħniena tiegħek
l-aktar fil-mument tat-tbatija u tas-salib.
Iżda int tgħidli, Kaire…Ifraħ!
Għażiltni
biex inkun il-bniedem tiegħek u fik, O Alla
biex inkun il-bniedem għall-Knisja fid-dinja tallum
biex inkun il-bniedem għall-bnedmin li donnhom bla kwiet ifittxu l-mistrieħ
u dan kollu għax insir nixbah lilek
fejn
qalbi tersaq ma’ Qalbek
qalbi tkun skont Qalbek
ħajti tkun skont Ħajtek
u nkun ragħaj fuq l-eżempju tiegħek, ir-Ragħaj it-tajjeb.
Għax Int Mulej,
Int ir-Ragħaj tiegħi,
Int il-mudell għall-passi tiegħi,
li b’servizz mimli mħabba u b’relazzjonijiet awtentiċi,
tiġbed il-merħla lejn is-sigurtà
li inti tafha b’isimha,
u b’mod personali, hi taf lilek,
għax int ixxomm ir-riħa tal-merħla tan-ngħaġ tiegħek,
u int
titmagħha,
tħarisha, u
tmantniha.
Kun ta’ ħajti Mulej, iċ-ċentru
agħrafni b’qaddej tiegħek, li bla ma jistħoqqli,
jien bħalek immexxi l-merħla kull fejn tibgħatni,
Kun int Mulej il-bennej tal-komunità li tagħha u magħha nagħmel mixja ta’ fidi.
Agħtini qalb li tixbah lil tiegħek.
Ha nħares jien ukoll il-merħla tiegħek
bl-iżbandola
biex naħrab u nwarrab kull periklu
bil-ħorġa
sabiex niftakar li f’qalbi nġorr
l-attenzjoni tiegħek ta’ missier kollok ħniena u mħabba ta’ omm dedikata
bl-għasluġ
biex inkun għall-oħrajn, bi ħniena, b’kompassjoni, b’sensibilità
li noħroġ minni innifsi lejn l-oħrajn b’fedeltà,
mingħajr ma naħrab u fejn nara x’qed jimbuttani jew imexxini
bil-bastun
bħala għajnuna ħa nterraq, nasal u ngħaddi mill-bieb id-dejjaq,
fil-kuntatt mal-“wieħed”.
Għax int r-Ragħaj, għallimni nagħżel, nibni u naqdi fil-
Knisja tal-fardal
Knisja “li toħroġ”
Knisja tal-qadi
Knisja li tingħata għall-oħrajn
għax kull meta l-qamħa tmut, tagħmel il-frott,
u kull darba li jien inmut, nagħti l-frott permezz
tal-qadi, tal-imħabba, tax-xandir, tal-ġustizzja soċjali,
tal-ferħ, tax-xhieda, tas-smigħ, tat-tjubija,
tal-ħlewwa, tal-għaqda, tas-sliem, tas-sabar,
tal-mogħdrija, tad-disponibilità, tal-faraġ,
tal-maħfra, tal-fejqan, tal-paċi…
U dan kollu Mulej
fi tfixxija kontinwa
u fi ftuħ għall-preżenza tiegħek u tal-Ispirtu tiegħek,
fostna u fil-kultura tagħna,
b’mod kontemplattiv u mistiku, u fi djalogu fratern.
Inħobbok Mulej, inħobbok b’qalbi kollha.
Ilmaħtni u għażiltni u b’qawwa nafda fiK.
Nitolbok ibgħat l-Ispirtu qaddis tiegħek,
ħeġġiġli dejjem qalbi bl-imħabba tiegħek
ħa nkompli l-vjaġġ ta’ bniedem li jemmen , mimli tama,
f’mixja kontinwa ta’ konverżjoni,
u dan kollu fil-ħajja fraterna fil-komunità.
Irrid naqdik bil-fedeltà, b’kulma jien, fis-semplicità, sabiex int tkun magħruf u maħbub.
Grazzi Mulej talli sejjaħtli, tqawwini u tfawwarli qalbi bl-imħabba tiegħek.
David Cortis osa