Mitluf, waħdi niġġerra fi ħsiebi,
Biex infittex lil Dak li ħabbejt,
U hekk qalbi bil-ħeġġa titfawwar,
Kif xtaqt darba, għalhekk Lilu nsejt.
Ħsiebi sar, bħal għasafar tal-ajru,
Li jittajru fil-ogħla smewwiet,
Għax hu mxennaq biex fis jista’ jgħarrex,
Qalb il-fwieħa tal-ogħla ħlewwiet!
Ma nistax nibqa’ mxennaq għas-Sewwa,
Jeħtieġ ngħaġġel, nittajjar ’il fuq,
Jeħtieġ nofroq is-sħab li jgħattini
Biex l-Imħabba bi ġmielha induq.
Iżda mnejn jien sa nterraq biex nilħaq!
Uruhieli, O ħlejjaq, it-triq,
Biex insib is-Sultan li qed jgħasses,
Fuq din artna maħnuqa bl-ilfiq.
Hu jkebbisli lil qalbi bil-ġamar,
Biex nissaffa, nitbiegħed mill-hemm,
Sakemm naqbad u nsir ġamra waħda,
U nispiċċa, nixxejjen, nintemm…
…….. U issa ħieles għalkollox mid-diqa
Li ħallietni nitkasbar fit-trab.
Issa nista’ bla biża’ nistaqsi:
“Min hu Alla, fejn Huwa jinstab?”
Staqsejt ’l-art jekk hix Alla: weġbitni:
“Jien m’iniex; ibqa’ fittex u dur.”
Staqsejt l-ilma li jgħannaq u jbewwes
Lil din l-art, li ħallietni indur.
Iżda bħalha telaqni, ħallieni
Nibqa’ ngħarrex fit-triq li għaddej;
“M’aħniex Alla li qiegħed int tfittex”,
Ilkoll f’daqqa weġbuni, Mulej!
Bqajt nittajjar, fil-għoli, fl-ispazju,
Fost id-dija tal-isbaħ maħluq,
U staqsejtha hix alla setgħana,
Li dawlitni biex nitla’ hawn fuq.
Izda lanqas dis-safa ta’ ħlejjaq,
Ma hi Dak li ħalaqni mix-xejn.
U jien dejjem għatxan għall-imsiba,
Li bi ġmielha hi tgħammex l-għajnejn.
Jien staqsejthom għall-anqas jgħiduli
Fejn se nsibha dix-xmara ta’ ġmiel,
Li ħallietni niġġerra, nittajjar,
Biex ikolli għall-anqas xi ħjiel.
L-univers kien dlonk f’daqqa weġibni:
“M’aħniex Dak li jinsab kullimkien;
Aħna ħlejjaq ilkoll bla ma nafu
Ta’ dak Alla Sultan tal-ħolqien”.
……. U kif smajtha dil-kelma, tregħ’dt jiena,
U nżilt b’sabta bħal seqer milqut,
U bdejt ninsa lil min kien madwari
Biex, O Alla, fi ħdanek immut.
Int lil qalbi fawwartha b’imħabbtek;
U bħal vleġġa tal-efrem azzar,
Illi taħraq u tikwi u tħammar,
Ħassejt f’qalbi msoffija fin-nar.
Ħsiebi sar bħal għasafar tal-ajru,
Li jittajru fil-ogħla smewwiet,
Għax hu mxennaq biex fis jista’ jgħammar
Qalb il-fwieħa tal-ogħla ħlewwiet!
Patri Patrizju Mallia osa – 1954