Min hu?
Meta twelidt u fejn trabbejt?
Jien twelidt fis-26 ta’ Mejju 1953 fil-belt Victoria, Għawdex, u mgħammed fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Trabbejt fil-borgo tal-belt ir-Rabat Għawdex. It-trobbija tiegħi barra li ġiet iffurmata fi ħdan il-familja, speċjalment taħt id-dixxiplina ta’ ommi minħabba li tlift lill-missieri kmieni fi tfuliti, ta’ adolexxent kont midħla sewwa tal-Oratorju Don Bosco, li f’nofs is-sittinijiet kienu telqu s-Sależjani u daħlu saċerdoti djoċesani, taħt id-direzzjoni ta’ Dun Karm Mercieca, pedagogu minn natura tiegħu, dan iż-żmien kien tad-deheb għall-formazzjoni tiegħi.
F’dan iż-żmien ukoll skoprejt il-komunità ta’ Santu Wistin qrib l-Oratorju għax kont ġejt mistieden min-Novizzi biex noħroġ magħhom. Minn hawn bdiet xrara żgħira li maż-żmien kompliet tikber.
Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)?
Attendejt l-iskola primarja u sekondarja fil-belt Victoria ta’ Għawdex. Dan iż-żmien ukoll kien ta’ formazzjoni fl-edukazzjoni tiegħi, imma iżjed mit-tagħlim li kont nirċievi, kien l-eżempju u r-responsabbiltà serja tal-għalliema li kelli matul dan iż-żmien. Kienu edukaturi vokazzjonali għalina t-tfal u l-adolexxenti.
Il-post-sekondarja kont bdejtha meta kont dħalt mal-patrijiet Agostinjani r-Rabat, Malta. Wara sena letteratura għamilt sentejn filosofija l-INSERM (Institutum Nationale Studiorum Ecclesiasticorum Religiosorum). Komplejt l-istudji fit-Teoloġija fl-Istitutum Patristicum Augustinianum waqt li kont qed ngħix fil-Kulleġġ Internazzjonali ta’ Santa Monika f’Ruma. Imbagħad komplejt Liċenzjat fil-Pastorali Giovanile fl-Università Pontificia Salesiana.
Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek?
Mela l-ħajra vokazzjonali tiegħi kienet hekk. Tibqa’ dejjem friska għax kien mument li beda mix-xejn u baqa’ jimmatura. Jien kont niffrekwenta l-Oratorju Don Bosco għall-Katekiżmu, biex nilgħab u biex nara l-film il-Ħadd. L-Oratorju jinsab fl-istess pjazza fejn hemm il-kunvent ta’ Santu Wistin. Qegħdin nitkellmu fis-sena 1963 meta Patri Liberat Cini kien Pirjol. Fis-sena 1964 imbagħad kien laħaq Patri Salv Portelli bħala Pirjol. Niftakar bħala Provinċjal Patri Ugolino Gatt. Imma fil-komunità kien hemm ukoll Patri Gibson, Patri Feliċ, Patri Ġorġ Bezzina surmast tan-novizzi.
Ġara li darba in-novizzi li kien hemm fil-kunvent tagħna, kienu ħerġin passiġġata mas-surmast u stednuni mmur magħhom. Imbagħad kif wasalna lura stednuni nilgħab magħhom il-ping pong u wara stednuni ngħid ir-rużarju fil-kappella u kont jien li mexxejt ir-rużarju. Tgħidx kemm fraħt meta mort id-dar u għedt kollox lil ommi dwar din l-avventura tiegħi. Missieri kien digà mejjet.
Jien kelli 10 jew 11-il sena. Imbagħad komplejt niffrekwenta l-kunvent u sirt midħla sewwa tal-patrijiet. Flimkien mal-abbatini l-oħra konna nagħmlu ħafna praspar. Kont sirt midħla tal-patrijiet l-oħra. Mhux darba jew tnejn Patri Gibson kien jistedinni mmorru ngħumu x-Xlendi filgħodu fis-sajf. Kien ikellimni ħafna fuq il-missjoni tal-Algerija. U minn hawn li nibtet ż-żerriegħa ta’ vokazzjoni missjunarja. Ma’ Patri Feliċ kont noħroġ passiġġata lejn Ta’ Sannat. Mal-Pirjol konna nkantaw fuq l-orgni speċjalment meta ġie mżanżan il-ġdid ta’ Mascioni. Niftakar il-quddiesa tal-Ħadd “De Angelis” jew il-Ħamisijat ta’ Santa Rita bl-innu “Ittir minn Moħħna”…
Imma ma ninsewx li f’dak iż-żmien li qegħdin insemmu, l-kunvent kien il-post tas-silenzju. Jien għadni niftakar meta dħalt l-ewwel darba fil-kunvent, is-silenzju kien impressjonani b’mod ħafna pożittiv. Kont tinduna li hemm il-ġabra u l-ħajja tat-talb kienet organizzata immens. Matul dan iż-żmien li fih kont qrib tal-patrijiet bdejt nara li l-ħajja li jgħixu huma u nistqarr magħkom li l-ħajja komunitarja bdiet tiġbidni u tħajjarni.
Matul dan iż-żmien li fih kont qrib tal-patrijiet bdejt nara li l-ħajja li jgħixu huma u nistqarr magħkom li l-ħajja komunitarja bdiet tiġbidni u tħajjarni. Qatt ma ħallejt barra l-ħajja soċjali tiegħi għax bqajt insegwi l-Oratorju taħt id-direzzjoni ta’ saċerdoti djoċesani. Hawn insemmi b’mod speċjali lil Dun Karm Mercieca li kien verament pedagogu magħna ż-żgħażagħ. Kien jimbuttana biex immorru lil hinn biex iġegħelna noħorġu l-kapaċitajiet tagħna u nagħrfu aħjar lilna nfusna. Hawn ukoll irrid ngħid li din il-formazzjoni għenitni ħafna fil-vokazzjoni tiegħi. Li nipparteċipa ma’ adolexxenti, imbagħad żgħażagħ oħra bħali li minnhom ħarġu wkoll saċerdoti qaddisa.
Bħal kull żagħżugħ ieħor jien ukoll kelli nagħmel l-għażla. Kelli direttur spiritwali li kien jgħinni fil-mixja tiegħi. Kont għadni żgħir meta għazilt li nidħol mal-Patrijiet Agostinjani. Intreħejt f’idejn il-Mulej u meta nħares lura ngħid l-istess kliem tal-profeta “kont dak it-tafal f’idejn il-fuħħari” li bil-mod il-mod kien qed jagħti forma lill-persuna tiegħi.
Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu?
Matul iż-żmien kelli diversi passatempi li kont verament nedha fihom. Kont inġemma’ l-bolol, diversi stampi, u muniti… Mhux biss il-kollezzjoni fiha nfisha, imma l-general knowlegde li kien hemm wara kull kollezzjoni. Meta kont is-sekondarja kont tħarriġt fil-wood-work. Meta kont għadni d-dar jew ir-Rabat fil-formazzjoni mhux l-ewwel darba li fil-ħin liberu jien flimkien ma’ sħabi konna naħdmu xi għamara jew nirranġaw dak li jkun imkisser. Kont nieħu pjaċir naħdem l-arkett. Fis-sajf konna nduru l-kunventi u nirranġaw fejn kien ikun hemm bżonn.
Passatemp ieħor huwa s-sajd għax ninsa d-dinja. Imma dan l-aħħar passatemp ieħor sabiħ li kiber sewwa fija huwa l-qari flimkien mal-kitba għax bdejt nippubblika xi ktieb fuq xi suġġett għall-qalbi.
Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt? Fuq xhiex jittratta?
Bħalissa qed naqra “Jerusalem: The Biography” ta’ Simon Sebag Montefiore. Huwa ktieb li jibda u jkompli l-istorja kollha tal-belt ta’ Ġerusalemm kollu dokumentat.
Dan huwa ktieb verament interessanti speċjalment mill-att storiku. Jien inħobb ħafna l-istorja. Dan il-ktieb qed jgħinni nifhem u nibni argumenti mill-att storiku u filosofiku biex inwieġeb għal domandi li bnejt fuq dan il-personaġġ li għandu x’jaqsam ma’ dan l-ambjent f’waħda mill-epoki li jittratta dan il-ktieb.
Għandek xi quote/saying għal qalbek?
Għandi żewġ frażijiet li huma għal qalbi:
“Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” (Ġw 10,10)
“Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa” (Eż 3,5)
Is-sejħa Agostinjana:
X’jagħmlek agostinjan?
Li ngħix ma’ sħabi li bħali għażlu li jgħixu fuq il-passi ta’ Kristu fuq still ta’ ħajja li ipproponilna kemm S. Wistin u kemm il-Knisja. Flimkien nagħmlu ħilitna biex nitqaddsu u nqaddsu lil dawk kollha li l-Mulej ilaqqgħana magħhom.
Il-Kariżma agostinjana fid-dinja tal-lum
S. Wistin fir-Regola jitlobna biex ma “ngħidux li għandna xi ħaġa tagħna”. Fid-dinja tal-lum dan ifisser li naqsmu ma’ min u fejn min inkunu biex nimlew il-ġuħ tagħhom kemm dak spiritwali u kemm dak materjali, għax ilkoll kemm aħna aħwa fi Kristu.
Min hu l-agostinjan għalik?
L-Agostinjan huwa dak li għax huwa konvint li l-proġett tal-ħajja tiegħu hija l-vokazzjoni reliġjuża agostinjana, illum jinsab ferħan u realizzat fil-ħajja. Mid-diffikultajiet u l-problemi tal-ħajja, li ma jonqsu qatt, jipprova ta’ kuljum jaqta’ ftit ward.