Nhar il-Ġimgħa 27 t’ April intemm il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-patrijiet Agostinjani ta’ Malta li fih ir-reliġjużi inġabru biex jiċċelebraw u jevalwaw il-ħajja tagħhom, waqt li jippjanaw il-programm tagħhom għall-erba’ snin li ġejjin. Din il-parti tal-Kapitlu kienet preseduta mil-Assistent Ġenerali tal-Ordni, P. Luis Marin de San Martin.
F’dawn il-jiem ġiet ippreżentata u diskussa viżjoni għall-provinċja b’elenku ta’ erba’ prijoritajiet partikolari. Fis-snin li ġejjin l-aħwa agostinjnai ser ikunu qed jiffukaw b’mod partikolari fuq: Il-ħajja umana, spiritwali u komunitarja tal-aħwa; Iż-żgħażagħ u d-dixxerniment; L-attenzjoni għal-lajċi u l-kollaboraturi tagħna b’mod partikolari dawk li llum jaqsmu magħna responsabiltajiet partikolari; u l-Evanġelizzazzjoni fiċ-ċentru tad-djalogu mal-kultura u s-Soċjetà.
Id-diskussjonijiet u l-ħidmiet f’dawn il-jiem saru fil-Kunvent ta’ San Mark ir-Rabat. Il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju għalaq bil-quddiesa preseduta mil-Pirjol Provinċjali, P. Leslie Gatt fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta, il-Ġimgħa 27 ta’ April.