Fil-5 ta’ Lulju 2024, Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta ippresieda ċ-ċerimonja tal-Għeluq tal-fażi djoċesana għall-kawżi tal-beatifikazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla, Henry u Inez Casolani fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta. Iċ-ċerimonja, li għaliha attendew diversi awtoritajiet ekkleżjastiċi u ċivili, membri tal-familja, u numru sabiħ ta’ fidili immarkat tragward sinifikanti fil-mixja lejn ir-rikonoxximent tal-qdusija tal-koppja Maltija. Il-ħajja eżemplari tagħhom ta’ fidi, karità, u servizz lill-komunità ħallew impatt dejjiemi fuq dawk li kienu jafuhom u fuq il-komunità Kattolika f’Malta u lil hinn.
Il-koppja żżewġet fl-istess knisja ta’ Santu Wistin eżattament 80 sena ilu. F’messaġġ imwassal minn Mons. Scicluna, ġiet enfasizzata ix-xhieda bla waqfien tal-koppja, it-tnejn membri attivi tat-Tielet Ordni ta’ Santu Wistin. Ix-xhieda tagħhom, qal l-Arċisqof, hija ta’ ispirazzjoni għall-koppji miżżewġa llum, li permezz tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum huma msejħin ikunu xhieda tal-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja.
Waqt l-aħħar sessjoni tat-Tribunal, id-dokumenti u x-xhieda miġbura mill-inkjesta djoċesana ġew issiġillati u issa se jintbagħtu lid-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin fil-Vatikan. Il-postulatur tal-kawża, P. Josef Sciberras OSA, ħa l-ġurament tiegħu bħala “portitore”, dak responsabbli mit-trasferiment tal-atti lejn Ruma. Il-fażi li jmiss tinvolvi eżami bir-reqqa ta’ din id-dokumentazzjoni mill-awtoritajiet tal-Vatikan, li se jiddeterminaw jekk Henry u Inez Casolani għexux virtujiet insara erojċi biex eventwalment jiġu ddikjarati Venerabbli.
Il-konklużjoni tal-fażi djoċesana hija mument ta’ ferħ u tama għall-fidili li ilhom jitolbu għar-rikonoxximent tal-qdusija tal-koppja. Il-fidili huma mħeġġa jkomplu jitolbu għall-kawża hekk kif din tgħaddi mill-istadji sussegwenti tal-proċess tal-beatifikazzjoni.
Ritratti: Arċidjoċesi ta’ Malta