Bejn it-23 ta’ Mejju u t-8 ta’ Ġunju, Patri Javier Perez Barba O.S.A., Assistent Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin għamel żjara Kanonika lir-reliġjużi Agostinjani f’Malta. Patri Javier huwa l-Assistent Ġenerali responsabbli mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jiġifieri Spanja, l-Italja, u Malta. Parti mill-ħidma tiegħu bħala Assistent tal-Pirjol Ġenerali hija li minn żmien għal żmien iżur lir-reliġjużi tal-pajjiżi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jismagħhom, u joffrilhom spunti ta’ riflessjoni għat-tiġdid tagħhom.
Matul dawn il-jiem filfatt huwa għadda jumejn f’kull Komunità Agostinjana fejn kellu ċ-ċans jitkellem ma’ kull reliġjuż individwalment u anke għamel laqgħa ma’ kull komunità rispettivament. Fl-aħħar taż-żjarat fil-Komunitajiet huwa ltaqa’ anke mal-Kunsill Provinċjali u qasam magħhom riflessjonijiet dwar dak li sema u dak li jħoss li għandom ikunu l-prijoritajiet tal-Provinċja għas-snin li ġejjin. Huwa kellu okkażjoni jżur anke l-aħwa fid-dar tal-Kleru u Villa Messina.
F’Isem il-Pirjol Ġenerali, Patri Javier għamel żjara anke lis-Sorijiet Agostinjani ta’ Ħajja Kontemplativa fil-Monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta u evalwa magħhom l-isfidi tar-realta’ li qed jgħixu waqt li esprima x-xewqa tal-Ordni li r-realta’ tal-Ħajja Kontemplativa Agostinjana tissaħħaħ.