Il-Provinċja Agostinjana Maltija b’sogħba kbira tħabbar il-mewt ta’ Fra Mario Bonnici OSA li nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju 2024 mar jiltaqa’ mal-Mulej li tant ħabb u qeda matul ħajtu. Fra Mario dawn l-aħħar ġimgħat kien rikoverat fl-isptar Karen Grech.
Bħala reliġjuż, Fra Mario qatta żmien twil fil-komunità f’Tal Pietà fejn kien jaħdem fil-Kulleġġ Santu Wistin. Sitt snin ilu imbagħad beda jagħmel parti mill-komunità tal-Parroċċa Santu Wistin tal-Belt Valletta. Fra Mario kien bniedem disponibbli mmens u għal ħafna snin, barra l-Kulleġġ Santu Wistin, ta s-servizz tiegħu lil diversi kunventi.
Il-funeral tiegħu ser isir nhar is-Sibt 1 ta’ Ġunju fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta fid-9.30am. Qabel il-quddiesa il-ġisem ta’ ħuna Fra Mario ser jitqiegħed fl-Oratorju tal-Madonna taċ-Ċintura għat-tislima tal-pubbliku. Id-difna ssir imbagħad fl-oqbra tal-Provinċja Agostinjana fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.
L-aħwa agostinjani jirrakomandawh fit-talb sabiex il-Mulej jilqgħu fil-ħniena tiegħu u jagħtih il-ħlas ta’ dak kollu li ħadem għalih matul ħajtu.
Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Amen.