Bejn il-19 u t-23 ta’ Ġunju grupp ta’ aħwa Agostinjani inġabru għal ftit jiem ta’ rtir f’Dar il-Ħanin Samaritan f’Santa Venera. Matul dawn il-jiem l-aħwa kellhom l-opportunità li jieqfu ftit mir-rutina tal-ħajja u jgħixu mumenti ta’ aktar skiet, talb u riflessjoni akkumpanjati minn Mons. Charles Cordina li anima dawn il-ġranet. Ir-riflessjonijiet ta’ Mons. Cordina għaqqdu l-valuri propji tal-ħajja tal-aħwa ma’ tant esperjenzi konkreti ġejjin minn snin ta’ esperjenza pastorali tal-istess Dun Charles f’diversi oqsma tal-Knisja f”Malta.
Dawn il-jiem kienu anke opportunita sabiha biex reliġjużi minn komunitajiet differenti jiġu flimkien u jaqsmu s-sabih tal-ħajja reliġjuża agostinjana lil hinn mill-ħidma u minn dak kollu li normalment isawwar il-ġranet b’tant attivita. Il-ġranet tal-irtir jagħtu ukoll opportunità ta’ esperjenza sabiħa ta’ talb b’mod aktar kalm u opportunità sabiħa ta’ tiġdid spiritwali. Grupp ieħor ta’ aħwa għandhom jieħdu sehem f’irtir ieħor li ser isir f’Għawdex aktar tard din is-sena.