F’ċerimonja qasira li nżammet fl-uffiċċju tad-Dekasteru tal-Isqfijiet fil-Belt tal-Vatikan, nhar l-Erbgħa 12 ta’ April, Mons. Robert Prevost għamel l-istqarrija tal-fidi u beda l-ħidma tiegħu bħala l-prefett il-ġdid tad-dekasteru tal-Isqfijiet. L-isqof Prevost, li huwa missjunarju Agostinjan u li f’dawn l-aħħar snin kien qed iservi bħala Isqof ta’ Chiclayo fil-Perù, qed jieħu post il-Kardinal Marc Ouellet, kemm bħala prefett kif ukoll bħala president tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina.
Robert Francis Prevost ta’ 67 sena twieled Chicago, Illinois, l-Istati Uniti, fl-14 ta’ Settembru 1955. Huwa daħal fin-novizzjat tal-Ordni ta’ Santu Wistin fl-1977, fil-Provinċja Omm tal-Parir it-Tajjeb, f’San Louis, u għamel il-Professjoni solenni fid-29 ta’ Awwissu 1981. Ta’ 27 sena, intbagħat Ruma biex jistudja l-Liġi Kanonika fl-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Akwinu. Ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Ġunju 1982. Wara li rċieva l-Liċenzjat fl-1984, intbagħat jaħdem fil-missjoni f’Chulucanas, Piura, il-Perù. Fl-1987 irċieva d-dottorat bit-teżi, “The Role of the Local Prior of the Ordni ta’ Santu Wistin”. Wara li ħadem għal kważi sentejn fil-ministeru tal-vokazzjonijiet, fl-1988 intbagħat fil-missjoni ta’ Trujillo bħala direttur tal-proġett ta’ formazzjoni komuni għall-aspiranti Agostinjani mill-Vigarjati ta’ Chulucanas, Iquitos, u Apurímac. Hemmhekk serva bħala pirjol,responsabbli mil-formazzjoni, u għalliem tal-Professi. Fl-Arċidjoċesi ta’ Trujillo, kien vigarju ġudizzjarju, u professur tal-Liġi Kanonika, Patristika, u Morali fis-Seminarju Maġġuri San Carlos u San Marcelo.
Fl-1999 ġie elett Pirjol Provinċjali tal-Provinċja Omm tal-Parir it-Tajjeb. Wara sentejn u nofs, il-Kapitlu Ġenerali Ordinarju għażlu Pirjol Ġenerali, ministeru li l-Ordni reġa’ afdalu fil-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-2007. Pħala Pirjol Ġenerali, huwa żar Malta diversi drabi kemm f’viżti kanoniċi uffiċjali kif ukoll f’diversi okkażjonijiet oħra.
F’Ottubru 2013 reġa’ lura fil-provinċja tiegħu bħala għalliem tal-professi u vigarju provinċjali, sakemm il-Papa Franġisku ħatru amministratur appostoliku tad-Djoċesi ta’ Chiclayo, il-Perù, fit-3 ta’ Novembru 2014, u għollih għad-dinjità episkopali ta’ isqof titulari tad-Djoċesi ta’ Sufar. Fis-26 ta’ Settembru 2015 imbagħad sar isqof ta’ Chiclayo. Minn Marzu 2018, huwa serva bħala t-tieni viċi president tal-Konferenza tal-Isqfijiet Peruvjani. Fl-2019 il-Papa Franġisku ħatru membru tal-Kongregazzjoni għall-Kleru u fl-2020 membru tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet.