Bejn il-Ħadd 26 u l-Erbgħa 29 ta’ Ottubru, il-Provinċjal, Patri Leslie Gatt O.S.A., ħa sehem fil-laqgħa tas-Superjuri Maġġuri taċ-Ċirkoskrizjonijiet tal-Ordni ta’ Santu Wistin li jitkellmu bil-lingwa Ingliża, li saret fl-Istati Uniti tal-Amerika. Għal din il-laqgħa nġabru superjuri maġġuri mill-Awstralja, l-Ingilterra, l-Indja, l-Irlanda, il-Ġappun, il-Korea, Malta, in-Niġerja, il-Filippini u l-Istati Uniti. Il-laqgħa saret f’Ojai, California, fil-Parroċċa u fil-kampus tal-Villanova Preparatory School. Għaliha attendew ukoll il-Pirjol Ġenerali, Patri Joseph L. Farrell O.S.A., flimkien ma’ tliet membri oħra tal-Kunsill Ġenerali.
Matul dawn il-jiem, il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jitolbu flimkien, jagħmlu dixxerniment u jirriflettu dwar dak li l-Ispirtu s-Santu qed isejjaħ lill-Ordni biex jikkunsidra u jwettaq, b’mod partikolari fl-oqsma tal-vokazzjonijiet u l-formazzjoni, tal-ministeri kondiviżi u ta’ inizjattivi ġodda, speċjalment fid-dawl tas-solidarjetà tagħna mal-Papa Ljun XIV. Laqgħat bħal dawn joffru wkoll opportunità siewja biex kull Provinċja u Kustodja taqsam mal-oħrajn il-punti b’saħħithom tagħha, kif ukoll l-isfidi li tħabbat wiċċha magħhom. Fl-istess waqt, dawn il-mumenti jgħinu biex jiġu esplorati possibbiltajiet ta’ kollaborazzjoni akbar bejn id-diversi realtajiet tal-Ordni f’pajjiżi differenti.