Messaġġ tal-Għid mill-Pirjol Provinċjali

Il-Qawmien ta’ Sidna mill-Imwiet Iqawwi l-Fidi Tagħna b’Tama Kbira

Qegħdin niċċelebraw l-Għid il-Kbir li fih tilħaq il-qofol tagħha l-mixja tar-Randan imqaddes u ċ-ċelebrazzjonijiet tat-tridu tal-Għid li qed ngħixu dawn il-jiem. Huwa l-aktar mument qawwi fil-mixja liturġika li permezz tagħha niċċelebraw il-fidi tagħna. Jiktbilna Santu Wistin Missierna fit-Trattat, It-Tagħlim Nisrani (1,15): “Il-qawmien ta’ Sidna mill-imwiet u t-tlugħ tiegħu fis-sema huma ġrajjiet li aħna nemmnu fihom u jqawwu l-fidi tagħna b’tama kbira. Huwa qalilna ċar ħafna li ta’ ħajtu għalina minn rajh, hu li kellu s-setgħa li jerġa jeħodha. Mela kemm hi kbira l-fiduċja li biha nwettqu t-tama tagħna, aħna li issa nemmnu, x’ħin niftakru kemm bata għalina avolja konna għadna ma nemmnux!” B’dawn il-kelmiet Santu Wistin ifakkarna fil-kobor tal-għotja ta’ Ġesù għalina u l-provokazzjoni kbira li din l-istess għotja għandha tpoġġi quddiem l-esperjenza tal-fidi tagħna. Kemm kienet kbira l-fiduċja ta’ Alla fina! Kemm ħabbna!

L-għotja kbira ta’ Ġesù għalina qabel ma biss konna tnissilna, għandha tqanqal fina spirtu ġenwin ta’ tiġdid li jipprovokana biex niffukaw fuq dan Alla li aħna msejħin biex naqdu. Jekk Hu ħabbna daqshekk, allura kemm aktar mistenni li nħobbu aħna, li ningħataw aħna, li nafdaw aħna. U minkejja dan kollu li nistqarru li nemmnu, kemm drabi nsibu ruħna nitilfu l-fiduċja tagħna fiH minħabba ċirkustanzi trivjali. Kemm drabi nonqsu mill-imħabba tagħna lejH u lejn xulxin u bħal donnu ninsew kemm ħabbna Hu l-ewwel. Kemm drabi nonqsu milli ningħataw kemm hemm bżonn, u ninsew l-għotja tiegħU għalina bla kundizzjoni. Kemm drabi nonqsu milli naħfru lil xulxin u ninsew li Alla kien lest li jaħfrila u jifdina, qabel ma aħna stess ħadna l-impenn li nimxu warajH.

Minkejja d-dgħufijiet tagħna, u ċ-ċirkustanzi li jagħmluna dak li aħna llum, Santu Wistin ifakkarna li dawn il-ġrajjiet għandhom “iqawwu l-fidi tagħna b’tama kbira”. U jkompli jgħidilna li “biex ifarraġna f’dan il-vjaġġ huwa tana ħafna mill-Ispirtu tiegħu, hekk li sa fit-tiġrib ta’ din il-ħajja aħna mimlijin bit-tama u bl-imħabba tiegħu għad li issa m’aħniex narawh; lil kull wieħed minna tana doni partikolari għall-bini tal-Knisja tiegħu”. L-esperjenza tal-fidwa li qed niċċelebraw tintrabat allura mat-tama u l-imħabba li rċevejna u li aħna msejħa biex inwasslu lill-oħrajn. Hekk biss nistgħu inwasslu l-ferħ sabiħ tal-Għid meħlus minn kull toqol li spiss noħolqu fil-ħajja. Hekk biss nistgħu nnisslu t-tama fl-oħrajn. Hekk biss inkunu qed ngħixu b’fedelta l-esperjenza tas-sejħa partikolari li Alla għamel lil kull wieħed minna.

Minn qalbi nawgura lilkom u lill-familji tagħkom Għid qaddis. Jalla jkun għalina lkoll esperjenza qawwija ta’ fidi ġenwina u tama fil-Mulej Ġesu li għalina inagħta sal-aħħar, u għalina qam mill-imwiet!

P. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali

 

Scroll to Top