Bejn it-12 u s-16 ta’ Ottubru, grupp ta’ aħwa Agostinjani inġabru għal ftit jiem ta’ rtir f’Dar il-Ħanin Sammaritan, f’Santa Venera. Dawn il-jiem offrew opportunita mill-isbaħ biex l-aħwa setgħu jieqfu ftit mir-rutina tal-ħajja u jgħixu mumenti ta’ aktar skiet, talb, riflessjoni u qsim. L-aħwa kienu akkumpanjati minn Fr Kevin Schembri li offra żewġ mumenti ta’ riflessjoni kuljum.
Ir-riflessjonijiet offrew mixja li titlaq mir-rikonoxxenza tal-preżenza ta’ Alla li ħabbna u sejħilna għal warajh. L-animatur ipprovoka lill-aħwa kemm biex japprezzaw l-istorja sabiħa ta’ dak li Alla għamel ma kull wieħed, imma anke biex jirriflettu fuq id-djufija umana li spiss ittappan l-impenn u l-għotja tagħna. Quddiem din ir-realta hemm ir-risposta qawwija tal-ħniena t’Alla, u l-provokazzjoni biex kull wieħed jieħu l-impenn li jwieġeb b’aktar fedelta għas-sejħa u l-imħabba kbira t’Alla.
Dawn il-jiem kienu anke opportunita sabiha biex reliġjużi minn komunitajiet differenti jiġu flimkien u jaqsmu s-sabih tal-ħajja reliġjuża agostinjana lilhinn mill-ħidma u minn dak kollu li normalment isawwar il-ġranet b’tant attivita.
