Bejn l-10 u t-12 ta’ Marzu, P. David Cortis, Rettur tal-Kulleġġ Santu Wistin ħa sehem f’laqgħa li ttellgħet Madrid għar-retturi ta’ diversi skejjel Agostinjani tal-Ewropa. Wara s-sessjoni tal-ftuħ, P. David għamel preżentazzjoni interessanti dwar il-ħidma tal-Kulleġġ tagħna hawn f’Malta. Barra l-ħafna ħidma li ssir fil-kulleġġi rispettivi, hija ħaġa sabiħa li qed jinbtu ukoll diversi inizjattivi ta’ kollaborazzjoni ma’ kulleġġi oħrajn Agostinjani fuq livell internazzjonali, kemm bħala impenn fil-bini tal-identità Agostinjana kif ukoll fuq livell ta’ esperjenzi edukattivi.
Fl-Ewropa, il-patrijiet Agostinjani għandhom numru sabiħ ta’ istituzzjonijiet Edukattivi, l-aktar fi Spanja, imma anke fl-Irlanda, fl-Ingilterra fi Praga u f’ Malta. Ta’ min jgħid li l-Kulleġġ Santu Wistin f’Malta, li din is-sena se jkun qed jiċċelebra il-175 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, huwa filfatt wieħed mill-eqdem fl-Ewropa.