Stqarrija ta’ Appoġġ għall-Papa Ljun XIV u favur il-Paċi

Il-Patrijiet Agostinjani Maltin, miġbura għall-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2026, jesprimu s-solidarjetà sħiħa tagħhom mal-Qdusija Tiegħu il-Papa Ljun XIV u l-appoġġ tagħhom għall-messaġġ ċar u qawwi tiegħu favur il-paċi. Dan qed isir fid-dawl tat-tħassib tagħna wara l-attakki riċenti indirizzati lejh u lejn il-ministeru tiegħu. Fl-istess ħin, nikkundannaw b’mod qawwi kull forma ta’ gwerra, vjolenza, u kull theddida għall-libertà u d-dinjità tal-persuna umana, speċjalment dawk li jolqtu l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà.

Il-Pirjol Provinċjali, flimkien mal-Assemblea kollha tal-Kapitlu, jingħaqdu mal-Isqfijiet tagħna biex jaffermaw il-qrubija u l-appoġġ sħiħ tagħna lejn ħuna, l-Papa Ljun XIV, li l-missjoni tiegħu hija li jxandar l-Evanġelju filwaqt li jippromwovi l-ġustizzja u l-paċi mingħajr kompromess. Nitolbu lill-Mulej jagħtih il-kuraġġ u s-saħħa biex jibqa sħiħ f’din il-missjoni ta’ tama f’dinja li spiss tkun immarkata minn kunflitt u tbatija. Kif ifakkarna Santu Wistin, “dawk li jħobbu l-paċi u jixtiequ jippossjeduha” għandhom “jagħmlu minn kollox biex ikattru lil dawk li jippossjeduha” (Priedka 357, 3).

Għaldaqstant, nerġgħu naffermaw il-pożizzjoni tagħna favur il-paċi fid-dinja kolla,  partikolarment fil-Lvant Nofsani, u nikkundannaw kull forma ta’ abbuż ta’ poter. Jalla dawk kollha li għandhom responsabbiltà politika jerġgħu lura għat-triq tad-djalogu, u jfittxu soluzzjonijiet li jippromwovu r-rikonċiljazzjoni aktar milli l-konfront.

Qed nippubblikaw din id-dikjarazzjoni waqt li l-Papa Ljun XIV illum qed iżur il-fdalijiet tal-Bażilika tal-Paċi (Basilica Pacis), li darba kienet is-sede episkopali tal-missier spiritwali tagħna, Santu Wistin ta’ Ippona, kif ukoll il-komunità Agostinjana f’Annaba, fl-Alġerija, fejn il-patrijiet Maltin servew b’dedikazzjoni u kuraġġ bejn l-1933 u l-2012.

Fl-aħħar nett, inħeġġu lill-persuni kollha ta’ rieda tajba biex jappoġġjaw din l-intenzjoni permezz ta’ talb kontinwu lill-Mulej. Jalla s-sliem isaltan fost il-ġnus kollha. Nistiednu wkoll lill-fidili biex ikomplu jitolbu għall-Qdusija Tiegħu il-Papa Ljun XIV fil-missjoni tiegħu għall-paċi, speċjalment matul il-vjaġġ appostoliku li qed jagħmel fl-Afrika.

14 ta’ April 2026

Scroll to Top