Il-Papa Ljun XIV għadu kif innomina lil ħuna Mons. Luis Marin de San Martin OSA bħala Elimosinier, jew aħjar, Prefett tad-Dekasteru għas-Servizz tal-Karità. Sa llum Mons Luis Marin kien iservi l-knisja bħala sottosegretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Qabel din il-ħatra, huwa serva bħala wieħed mill-Assitenti tal-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan u kien responsabbli mir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jiġifieri Malta, Italja u Spanja. F’dak l-uffiċċju huwa żar il-gżejjer tagħna diversi drabi.
Mons. Luis Marin, twieled f’Madrid Spanja fil-21 ta’ Awissu 1961. Huwa għamel l-ewwel professjoni fl-Ordni ta’ Santu Wistin fil-5 ta’ Settembru 1982 u l-Professjoni Solenni fl-1 ta’ Novembru 1985. Huwa kien imbagħad ordnat saċerdot fl-4 ta’ Ġunju 1988. Wara l-istudji tiegħu, kiseb imbagħad Dottorat fit-Teoloġija mill-Universita Pontificja Comillas ta’ Madrid. Tul is-snin, huwa serva bħala: responsabbli mill-formazzjoni f’Los Negrales
(1996-1999); Kunsillier Provinċjali (1999-2002); Pirjol tal-Monasteru ta’ Santa María de La Vid (2002-2008); u professur tat-Teoloġija fiċ-ċentri Agostinjani ta’ Los Negrales, San Lorenzo de El Escorial, u Valladolid. Mill-2004 huwa kien mistieden diversi drabi bħala lettur fil-Fakulta tat-teoloġija tat-Tramuntana ta’ Spanja f’Burgos. Huwa serva wkoll bħala Arkivista Ġenerali tal-Ordni, Assitent tal-Pirjol Ġenerali, u President tal-Istitut tal-Ispiritwalita tal-Ordni. Fis-6 ta’ Frar 2021 il-Papa Franġisku kien innominah isqof titulari ta’ Suliana u Sottosegretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet u fil-11 ta’ April tal-istess sena kien ordnat isqof.
L-aħwa tal-Provinċja Agostinjana Maltija jwasslu l-isbaħ xewqat tagħhom lil Mons Luis Marin de San Martin u jawgurawlu kull suċċess fil-ħidma ġdida tiegħu għas-servizz tal-Knisja Universali, partikolarment fil-qadi ta’ dawk l-aktar fil-bżonn.