Tereża Spinelli: Mudell għall-bniedem tal-lum

Tereża Spinelli: mudell għall-bniedem tal-lum[1]

Il-bniedem ta’ kull żmien ifittex mudelli li fuqhom ikun jista’ jispira ruħu. Il-Knisja dan tagħrfu u tippreżentalna mudelli li fuqhom in-nisrani jista’ jfassal il-ħajja evanġelika, bħala għajnuna sabiex jilħaq il-milja tas-sejħa tiegħu: il-qdusija. Madre M.a Tereża Spinelli (Ruma 1789-Frosinone 1850), fundatriċi tas-Sorijiet Agostinjani Servi ta’ Ġesù u Marija (hawn Malta magħrufin bħala s-sorijiet ta’ Santa Monika) ftit taż-żmien ilu ġiet dikjarata mill-Knisja bħala Venerabbli. Dan huwa pass importanti fil-mixja lejn il-beatifikazzjoni ta’ din il-mara ta’ qdusija.

Tajjeb li b’mod konċiż ħafna nqiegħdu lil Tereża Spinelli fil-kuntest proprju tagħha. Qed nitkellmu minn mara li għexet bejn tmiem is-seklu XVIII u XIX. Il-mara fil-belt ta’ Ruma tas-seklu XIX mhijiex il-mara tal-lum. L-istess kunċett ta’ “mara”- lil hinn mill-kunsiderazzjoni bijoloġika - huwa ferm differenti.

Il-popolazzjoni Ewropea fis-seklu XIX bdiet tikber b’ritmi li qatt bħalhom ma dehru qabel. Iċ-ċans li wieħed jgħix wara li jwelled jew jitwieled kull ma jmur beda jiżdied. Fl-ewwel snin tas-seklu XIX għandna żvilupp mgħaġġel ta’ żewġ fenomeni importanti: it-tkabbir tal-ibliet (urbanizzazjoni) u l-firxa tal-industrija (industrijalizzazjoni). Is-soċjetà tas-seklu XIX ma kinetx waħda fissa daqskemm wieħed jaħseb minħabba l-ħafna immigrazzjoni interna, ċioè mill-kampanja għall-ibliet u fl-istess ibliet kien ikollok ħafna trasferimenti minn dar għal oħra (dan narawh anke fil-ħajja ta’ Spinelli). Dan il-fenomenu ġab għadd ta’ nisa lejn l-ibliet, u għal ħafna intraprendituri li kellhom il-bżonn ta’ ħaddiema għall-industriji din kienet bħal manna li niżlet mis-sema: tħaddem mara jew tifla kien jaqbillek iktar għaliex toħroġ b’irħas u jaqilgħu inqas problemi. Il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema kienet waħda tal-biża’ (ħinijiet twal, ambjenti mingħajr protezzjoni, mard, eċċ). Mara li kienet taħdem f’xi forma ta’ industrija għal 12-il siegħa jew aktar, kienet issib ix-xogħol tad-dar u tat-tfal jistennieha ta’ kuljum. Madanakollu din is-sitwazzjoni bdiet, għall-ewwel darba, tagħti ftit indipendenza ekonomika lin-nisa.

Element ieħor li kienu jidħlu għalih in-nisa kien ix-xogħol għand familji borgeżi u sinjuri. Min-nisa ta’ dawn it-tip ta’ familji kien mistenni li jmexxu l-andament tad-dar b’dekor u gosti, u minħabba f’hekk żdied il-bżonn tas-servitù. Dan huwa element li wkoll insibuh preżenti fil-ħajja ta’ Spinelli, li kienet daħlet għal dan it-tip ta’ xogħol, anke sabiex tgħin lill-familja proprja tagħha, f’dak iż-żmien fi stat prekarju ħafna. Bosta minn dawn il-qaddejja kien jingħatalhom ukoll id-dmir li jieħdu ħsieb, irawmu u jedukaw it-tfal tal-familji sinjuri.

Aspett ieħor li jolqot il-mara tas-seklu XIX huwa l-fatt li l-Istat beda jassumi rwol aktar soċjali u bdew jiżdiedu l-istrutturi li bihom l-Istat beda jagħti servizzi fis-soċjetà. Fosthom, l-aktar evidenti huma l-isptarijiet u l-iskejjel. Dawn fetħu opportunitajiet ġodda sabiex il-mara toħroġ taħdem u tinserixxi ruħha f’dawn l-ambjenti ta’ xogħol u servizz. Din ir-realtà ukoll insibuha fil-ħajja ta’ Tereża Spinelli hekk kif is-sejħa rċeviet mis-sema sabiex tiftaħ skola ltaqgħet max-xewqa tal-gvern lokali ta’ Frosinone li joffri edukazzjoni. 

Il-mara tas-seklu XIX kellha bosta sfidi quddiemha sa miċ-ċkunija u meta kien jasal il-mument taż-żwieġ, ħafna drabi rranġat bejn il-ġenituri tal-għarajjes permezz ta’ xibka ta’ intriċċi, u bi ftit kas lejn ix-xewqat veri taż-żgħażagħ involuti, kienet tidħol għal sfidi akbar. Iżda s-sitwazzjoni kienet tiħżien meta l-mara, għal xi raġuni jew oħra, tibqa’ jew tisfa weħidha, mingħajr il-preżenza ta’ raġel. Din il-forma ta’ solitudni – mhux tant psikoloġika imma pjuttost soċjali – bin-nuqqas tar-raġel fin-nukleu tal-familja kienet tħalli marka qawwija fil-ħajja u fl-għażliet tan-nisa li kienu jispiċċaw weħidhom minħabba abbandun, separazzjoni jew mewt tar-raġel. Il-figura tar-raġel kienet almenu toffri kenn u protezzjoni u meta din kienet tiġi nieqsa malajr kienu jqumu suspetti fuq il-moralità tal-mara. Dan kien jiġi wkoll mill-fatt li, kienu komuni l-każijiet ta’ nisa romol jew separati li, sabiex imantnu lilhom infushom u lil uliedhom kienu jbigħu ġisimhom.

Dan huma ftit biss mill-bosta elementi li jikkontestwalizzaw id-dinja li għexet Tereża Spinelli. Illum għandna tip ta’ problemi oħrajn, forsi ħafna ’l bogħod minn dawk ta’ żmienha. Madanakollu domanda fundamentali tista’ tkun: nistgħu nsibu f’Tereża Spinelli dawk il-valuri umani u spiritwali li jmorru lil hinn mill-epoka u l-kuntest soċjali li fihom għexet, b’tali manjiera li, b’interpretazzjoni korretta, jistgħu japplikaw għall-bniedem ta’ kull żmien u kuntest soċjali? Uħud minn dawn il-valuri jistgħu jkunu dawn li ġejjin:

  1. Spinelli mara - Jekk hemm valur li jispikka fil-ħajja ta’ Spinelli, dan huwa l-kapaċità tagħha li tinfetaħ għall-ħaddieħor. Spinelli, frott il-vokazzjoni li rċeviet, ma għamlitx għażliet “għaliha nnifisha”, imma bħala mara żammet dik l-intwizzjoni profonda li l-aħjar tal-ħajja tagħha jista’ jiġi biss minn dak li jista’ jsir għal ħaddieħor, sabiex ħaddieħor jikber u jimmatura. Dan narawh fid-diversi stadji tal-ħajja tagħha: fl-ambitu tal-familja qabel iżżewġet; fir-responsabiltà taż-żwieġ (minkejja l-isfortuna li kellha f’dan il-qasam); fir-responsabiltà lejn bintha, lejn il-ġenituri tagħha, lejn il-kunjata; fil-mumenti meta kienet taqdi għand il-familji sinjuri; fil-fondazzjoni tal-istitut; fit-tmexxija tal-iskola… f’dawn is-sitwazzjonijiet hemm element komuni: il-kriterju tal-għażliet ta’ Tereża qatt u qatt ma kienu “għaliha nnifisha” imma kienu deċiżjonijiet miftuħa għall-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor! Nara lil Spinelli fil-kliem ta’ Ġwanni Pawlu II: “huwa b’mod speċjali fl-għotja lill-oħrajn fil-ħajja ta’ kuljum li l-mara tilqa’ s-sejħa l-aktar profonda tal-ħajja tagħha, hi li, forsi aktar mir-raġel, “tara” lill-bniedem, għax tarah bl-għajnejn tal-qalb. Tarah, lil hinn minn kull sistema ideoloġika jew politika. Tara lill-bniedem fil-kobor u fil-limiti tiegħu, tipprova tersaq lejh u tkunlu ta’ għajnuna”.[2]
  2. Spinelli omm - Spinelli kienet taf x’jiġifieri l-maternità fis-sens sħiħ tal-kelma. Il-maternità, kemm jekk mgħejxa fil-konkret b’mod bijoloġiku, kemm fil-potenzjal tagħha, hija realtà li tagħti struttura fil-profond ta’ kull personalità femminili. Spinelli għexet dan ir-realtà tant sabiħa bit-twelid tat-tifla tagħha, li għaliha ssagrifikat kollox. Il-maternità ta’ Spinelli ma nisslitx darba biss, imma baqgħet tiġġenera l-imħabba, bl-imħabba u fl-imħabba, minkejja d-diffikultajiet kbar li kellha tgħaddi minnhom minħabba l-mard mentali li kellha bintha. Iktar minn hekk, il-maternità ta’ Spinelli ma waqfitx biss fuq il-livell fiżiku, imma bil-ħajja u l-eżempju tagħha tat it-twelid spiritwali lil bosta. Is-sens kbir ta’ maternità żviluppa fiha maturità sa minn kmieni, sens ta’ serjetà tal-ħajja, sens ta’ responsabilità, rawwem fiha l-kapaċità li tkun konkreta u mhux mehdija fl-affarijiet frivoli; rawwem fiha wkoll saħħa ta’ karattru impressjonanti hekk li setgħet tirreżisti għal tant mewġ li ġie kontriha li mhux talli ma kaxkarhiex miegħu, imma talli saħħaħha, b’tenaċità li tħares lejn il-futur b’determinazzjoni, ukoll meta dan deher tqil u mċajpar. Il-maternità għallmitha xi jfisser id-don tat-tixrid tad-dmugħ… id-dmugħ li huwa l-prezz ta’ kull ħajja umana.
  3. Spinelli edukatriċi - Id-don tal-maternità mmatura sa ma ttrasformatu fis-servizz edukattiv. Spinelli bħala edukatriċi hija eċċezzjonalment materna fl-attitudnijiet tagħha. X’tagħmel omm biex trawwem lil uliedha? Temmen fihom u toħroġ minnhom it-tajjeb li konvinta li jinsab fihom. L-istess Spinelli edukatriċi… fehmet li teduka ma jfissirx titfa’ l-piż fuq il-persuna, imma tħaffifha minn dak li hu żejjed b’tali mod li jinkixef dak li hemm moħbi fiha, hekk li jinħareġ għad-dawl. Hija forma ta’ maternità oħra, li S. Ġwanni Pawlu II, fl-Ittra tiegħu lin-nisa jsejħilha: maternità affettiva: “Nixtieq nuri apprezzament partikolari għal dawn in-nisa impenjati fid-diversi setturi tal-attività edukattiva, lil hinn mill-familja: skejjel, università, istituti ta’ assistenza... Kull fejn hemm il-ħtieġa qawwija tax-xogħol formattiv, wieħed jista’ japprezza d-disponibiltà kbira tal-mara sabiex tingħata kollha kemm hi fir-rapporti umani, speċjalment għall-vantaġġ tad-dgħajjef u l-vulnerabbli. B’dan il-mod huma jwettqu fil-konkret forma ta’ “maternità affettiva, kulturali u spiritwali”, b’valur li ma jista’ jingħatalu l-ebda prezz minħabba l-marka li jħalli fuq l-iżvilupp tal-persuna u l-futur tas-soċjetà. U kif ma nistgħux niftakru fix-xhieda ta’ tant nisa kattoliċi u tant kongregazzjonijiet reliġjużi femminili li, fil-kontinenti kollha, għamlu mill-edukazzjoni s-servizz prinċipali tagħhom”.[3]
  4. Spinelli restawratriċi - Ilkoll kemm aħna għad għandna quddiem għajnejna l-istraġi li ħalla t-terremot ta’ xi xhur ilu, f’Awwissu u Ottubru tas-sena l-oħra, fiċ-ċentru tal-Italja! L-uċuħ tat-tfal, dik is-soru żagħżugħa bil-ferita f’rasha, il-kampnar tal-knisja mġarraf, l-arloġġ tal-pjazza li baqa’ wieqaf, it-tiġrif, il-ħidma tas-servizzi ċivili… tant stejjer umani mġarrfa b’theżżiża qawwija ta’ ftit sekondi. Wara li għaddiet l-emerġenza għall-għajnuna meħtieġa, l-awtoritajiet intefgħu sabiex isalvaw l-opri artistiċi. Dehru filmati ta’ kemm kura u attenzjoni ngħatat mill-ħaddiema ta’ salvataġġ ta’ dawn l-opri artistiċi… min japprezza l-kultura seta’ japprezza “l-ħniena” li biha ġew trattati dawn l-opri, konxji li bħall-ħajja tal-bniedem, jekk titlef opra, tliftha darba għal dejjem! Wara d-diżastru u s-sokkors, jibda r-restawr. Ir-restawr huwa xi ħaġa favoluża! Jagħtik l-opportunità li terġa’ ġġib għall- ħajja opra kkundannata għall-mewt! Fit-terremot li laqat Assisi fl-1997 kienet iġġarrfet il-bażilika ta’ S. Franġisk u l-affreski ta’ Giotto li jinsabu fiha. Għal xahar sħiħ, numru ta’ gruppi ta’ 20 volontarju mmexxija minn restawratur kienu jersqu b’galbu kbir lejn dak il-frak kollu u rnexxielhom jiġbru madwar 300 elf farka mill-affreski mġarrfa, bejn wiehed u ieħor ta’ daqs ta’ bolla. Wara 8 snin u madwar 160 elf siegħa ta’ xogħol, reġgħu sabu posthom almenu 200 elf minn dawn il-frakiet, biex hekk seta’ jkun salvat dan il-kapulavur uniku… investiment enormi ta’ żmien, paċenzja, stennija, tama… Inħobb nimmaġina li bl-istess mod kienet tara lill-persuni li kellha quddiemha Spinelli. Ma kienx jimporta għaliha kemm sigħat kienet ser tikkonsma (qatt taħli!) jew kemm-il darba kellha tipprova biex “tirrestawra l-qalb”. Bis-sabar kollu, dejjem takkumpanja l-persuna, b’tant delikatezza kienet tipprova tirkupra dawk il-frakiet li waqgħu minħabba t-tiġrif tat-terremot fil-ħajja tal-persuna, u kienet tipprova tqiegħed il-biċċiet kollha flimkien, tibni mill-ġdid dak kollu li waqa’ taħt il-piż ta’ ħajja iebsa, tad-dnub, tal-injoranza, tal-mard. Farka wara farka, l-imħabba materna li kellha għall-peruna kienet timbuttaha, tixprunha, tqanqalha sabiex taġixxi, ma tibqax passiva, filwaqt li, b’tama kontra kull tama, temmen li meta l-frakiet jingħaqdu, marbutin flimkien bil-kolla tal-grazzja ta’ Alla, għad jerġa’ joħroġ mill-ġdid il-kapolavur ta’ affresk ikkulurit. Dan, Spinelli, kienet tagħmlu, għax dejjem għarrfet li l-bniedem - kull bniedem - huwa ta’ min japprezzah u għandu dejjem ikun megħjun sabiex, strat wara strat, tinkixef is-sbuħija oriġinali tiegħu. Spinelli hija dak ir-restawratur tal-bniedem, li qed jidderieġi l-gruppi ta’ volontarji (sorijiet u lajċi) sabiex ifittxu qalb it-tifrik, f’intrapriża li tidher impossibbli f’għajnejn ta’ bosta, il-farkiet li jsawru l-ħajja tal-persuni-kapolavur.

 

Il-mistoqsija tagħna tibqa’: Spinelli hija mudell għall-bniedem tal-lum? Fil-fond ta’ qalbi, nemmen li, b’interpretazzjoni ġusta – ġusta lejn l-istorja u l-kuntest soċjali ta’ żmienha, imma wkoll ġusta lejn iż-żmien li aħna qed ngħixu fih – iva, nistgħu naffermaw li hija mudell, eżempju, li jgħodd għaż-żminijiet tal-lum. Semmejt biss ftit punti, imma nemmen li huma fundamentali u jistgħu jintlaħqu minn kull persuna, lil hinn mill-fidi jew il-prattika reliġjuża tagħha.

Nara lil Spinelli setgħet serviet bħala mudell għal dawn il-kelmiet ta’ Pawlu VI f’għeluq il-Konċilju Vatikan II: “Għad tiġi s-siegħa, u s-siegħa diġà waslet, li fiha l-vokazzjoni tal-mara tilħaq il-milja tagħha, is-siegħa li fiha il-mara takkwista influwenza fis-soċjetà, il-mara tiddi u tilħaq qawwa qatt milħuqa sa issa. Għaldaqstant, f’dawn iż-żminijiet li fihom l-umanità qed tiltaqa’ ma’ tibdil tant kbir, in-nisa mdawla mill-ispirtu tal-Evanġelju jistgħu jaħdmu qatigħ biex jgħinu lill-umanità biex ma titħassarx”.[4]

Kull bniedem – raġel jew mara – mistieden li jiskopri l-valur tal-maternità! Iva, l-maternità affettiva mhijiex dominju tan-nisa! “Il-femminilità ġġib fis-seħħ dak li hu tal-bniedem daqs il-maskulinità, biss b’modi diversi u kumplimentari”.[5] Ilkoll qed naraw it-tiġrif ta’ tant ħajjiet madwarna, affreski sbieħ li waqgħu b’terremoti qliel… u lkoll bħal Spinelli msejħin sabiex bħalha, ma nibqgħux inħarsu u ninsew, imma nxammru l-kmiem u filwaqt li qatt ma naqilgħu l-ħarsa tagħna minn fuq l-isbaħ opra li qatt raw għajnejn il-bniedem, il-wiċċ kollu mħabba ta’ Kristu, niġbru l-frakiet li waqgħu biex nirrestawraw il-wiċċ kollu sbuħija tal-bniedem tal-lum!

Josef Sciberras

Agostinjan

Postulatur Ġenerali

 

[1] Konferenza għas-Sorijiet ASGM u membri tal-ALAS fl-okkażjoni tad-dikjarazzjoni ta’ Tereża Spinelli bħala Venerabbli.

[2] Ġwanni Pawlu II, Ittra lin-nisa, (29/6/1995), n. 12.

[3] Ġwanni Pawlu II, Ittra lin-nisa, (29/6/1995), n. 9.

[4] Messaġġ tal-Konċilju lin-nisa, (8/12/1965), nn. 3,4,10.

[5] Ġwanni Pawlu II, Ittra lin-nisa, (29/6/1995), n. 7.


© 2019 agostinjani.org. All Rights Reserved.