Erfa' għajnejk u ħares lejn l-għelieqi

L-enċiċlika Laudato Si, ippubblikata fl-24 ta’ Mejju 2015, fis-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin, hija dwar l-għożża tad-dar komuni, jiġifieri dwar il-ħolqien u l-ambjent. Tfittex kemm tfittex tistenniex li ser issib xi kwotazzjoni minn Santu Wistin f’din l-enċiċlika...Lanqas waħda! U għalhekk tistaqsuni, mela dan kollu fuq l-ambjent, ħolqien, l-ekoloġija, l-enċiċlika u llum l-festa ta’ Santu Wistin, x’għandu x’jaqsam? 

Matul l-aħħar snin kibret ħafna l-preokkupazzjoni għall-qerda tal-ambjent. Bil-proċess ta’ żvilupp mhux sostenibbli, bla ħsieb, bla viżjoni u bla ħarsa għall- futur, spiċċajna b’kontaminazzjoni fid-dinja, u konsegwenzi koroh għall- umanita`, minħabba l-global warming. Ix-xjenza ilha tindika ħafna din l-isfida, imma mhux dejjem kien hemm ir-rieda politika biex tieħu bis-serjetà u b’urġenza dan kollu. Fl-Ordni tagħna, fil-Kapitlu Ġenerali Intermedju tal-1998, f’punt minnhom jissemma li r-relazzjoni mal-ħolqien u n-natura f’Santu Wistin tikseb valur etiku...In-natura li hija tajba, li titkellem fuq Alla hija sinjal tat-Trinità. Li tagħmel xi ħaġa kontra l-ambjent huwa li tkisser l-unità.  Aħna nħarsu lejn l-ambjent bħala don ta’ Alla, mogħti lill-bnedmin kollha, għalina u għal tal-futur. Din il-viżjoni nisranija u profondament agostinjan tal-ambjent, illum hija aktar mhedda minn qatt qabel u jeħtieġ risposti ġodda, kreattivi u sodi.

Il-Papa Franġisku, f’din l-enċiklika Laudato Si, b’referenza għall-kliem tal-Papa San Ġwann Pawlu II, jgħid li Alla kiteb ktieb mill-isbaħ, “li l-ittri tiegħu huma l-kotra tal-ħlejjaq preżenti fl-univers”.  Min-naħa tiegħu, fil-kitbiet tiegħu Santu Wistin uża din l-immagini: “is-sbuħija tal-ħolqien huma ktieb enormi. Alla ma għamilhomx b’ittri tal-linka, imma poġġa quddiem għajnejh l-affarijiet maħluqa kollha”...U meta kien qiegħed jargumenta ma’ Fausto qallu: “Iffissa l-ħarsa ta’ għajnjek fuq il-ħolqien kollu, bħal wieħed li jaqra ktieb importanti fuq l-affarijiet.”

Meta wieħed jaqra lil Santu Wistin jiskopri kemm kien f’kuntatt mal-ħolqien u man-natura, u kemm kien josserva u dan jurih fl-omeliji u l-kitbiet tiegħu..isemmi diversi tipi ta’ annimali, ħxejjex, eċċ. Tinnota li Wistin kien jieqaf u josserva n-naħla taħdem qatigħ biex ma tkunx bil-ġuħ fix-xitwa. Kien iħobb jogħxa josserva l-bdiewa fl-għelieqi tagħhom. U dan l-isqof, li kellu ħafna affarijiet x’jagħmel, kien isib il-ħin u jikkontempla kif l-għasafar jibnu l-bejtiet tagħhom, kif jitimgħu liż-żgħar tagħhom u kif jgħallmuhom itiru.  Għal Wistin kollox kien iservi biex jgħallmu, biex jagħmel xi tixbiha jew analoġija għal xi verità diffiċli li tispjega.

Kif ifakkarna l-Papa Franġisku: “Il-Mulej seta’ jistieden oħrajn biex ikunu attenti għall-ġmiel li hawn fid-dinja, għax Hu nnifsu kien f’kuntatt bla waqfien man-natura u kien juriha attenzjoni sħiħa ta’ mħabba u stagħġib.  Meta kien jiġri minn rokna għall-oħra ta’ art twelidu, kien jieqaf jikkontempla l-ġmiel miżrugħ minn Missieru, u jistieden lid-dixxipli biex fil-ħwejjeġ ta’ madwarhom jilmħu l-messaġġ divin: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad!” (Ġw 4:35).”

Il-Papa jfakkarna li meta ngħidu naħkmu l-art (li naqrawha fil-Ktieb tal-Ġenesi), “l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett tal-bniedem bħala sid l-univers hi dik li tarah bħala amministratur responsabbli.” Fil-verżjoni bl-Ingliż tal-Laudato Si, dan huwa l-kunċett ta’ stewardship. Dan l-istewardship (jew forsi wkoll ħarriesa tal-ambjent) huwa wieħed mit-temi l-kbar fit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja. Il-Knisja tgħallem li l-ġid tad-dinja huma doni mingħand Alla u dan għal kulħadd, u huma maħsuba li jkunu għall-ġid komuni ta’ kulħadd. U hawn niftakru fis-sub-title tal-enċiklika...dwar l-għożża tad-dar komuni.

Dan il-kunċett ta’ stewardship jidħol tajjeb fl-ħsieb agostinjan tal-ġdid fil-komun, fejn huwa wieħed mill-prinċipji basiċi ta’ Santu Wistin fil-viżjoni u fl-ispiritwalità tal-ħajja komunitarja. Fir-Regola Wistin jgħidilna “tgħidux li għandkom xi ħaġa tagħkom, iżda kollox għandu jkun ta’ kulħadd...Hekk taqraw fl-Atti tal-Appostli, li “kellhom kollox ta’ kulħadd” (Kapitlu 1). U mbagħad f’Kapitlu 5 jgħid: “aktar ma tibżgħu għall-ġid ta’ kulħadd qabel il-ġid waħdieni tagħkom, aktar tintebħu kemm tkunu mexjin ’il quddiem fil-ħajja tar-ruħ.”

Il-prinċipju ta’ stewardship jgħidilna li d-dinja hija tagħna fil-komun, u li n-nies kollha huma responsabbli għall-kura tad-Dinja bħala stewards. Aħna ħafna iktar minn sempliċi konsumaturi u dawk li nużaw r-risorsi naturali.

Kif nieħdu ħsieb il-ġid komuni fl-ambjent hija mezz ta’ kif aħna qed inħaddmu dan il-prinċipju ta’ stewardship, u wkoll fl-imħabba lejn l-oħrajn u lejn il-Ħallieq, lejn Alla.  U dan huma mod agostinjan ta’ kif inħasru lejn id-dinja. Meta nħarsu lejn l-ekoloġija ma ninsewx l-antropoloġija, u sempliċiment ma nistgħux inħarsu lejn id-dinja maħluqa mingħajr ma nħarsu lejn il-persuna umana f’dan il-ħolqien.

U jekk aħna bħala persuni nirrikonoxxu l-antropoloġija nisranija tagħna (li għal Wistin kienet tant importanti u tkellem fuqha, li aħna xhieda ta’ Alla, li d-dnub daħal fid-dinja, li hemm il-grazzja u s-salvazzjoni ta’ Ġesù Kristu), u l-parteċipazzjoni tagħna fil-ħolqien, imbagħad inkunu nistgħu naraw bħal Papa Franġisku kif għamel fl-enċiklika li ħadha mil-lenti antropoloġika; fejn naraw li r-relazzjoni tagħna mal-ħolqien hija riflessa fir-relazzjoni mal-bnedmin u ma’ Alla. Jekk inħarsu lejn l-ekoloġija, l-ambjent u d-dinja maħluqa, bħala użu tiegħi personali u għall-benefiċċju tiegħi biss, kif ser nuża l-art għall-benefiċċju tiegħi, il-ħolqien għall-benefiċċju u dam b’mod utilitaristà, hemmhekk dan jirrifletti fir-relazzjoni mal-persuni, u kif nirrelata magħhom...għax nibda nara kif ser nuża l-persuna, għax għandi bżonn min jagħmilli xi ħaġa, għax ma nistax inlaħħaq, eċċ....Għandna naraw il-persuni, u l-ħaddiema bħala xi ħadd li nieħu gost bihom fil-vjaġġ tagħna lejn Alla u f’dan il-proġett komuni.

Niftakru dejjem li kull ministeru tagħna għandu jkun konxju u fejn tingħata l-importanza ta’ dik li tissejjaħ “ġustizzja ambjentali”, jew “ekoloġija integrali”. Din tirreferi għal connection li hemm bejn il-mistoqsijiet ekoloġiċi u l-issues tal-faqar, tal-paċi u tal-ġustizzja, li Wistin tant tkellem fuqhom fi żmienu, u li aħna mistiedna nirriflettu u nitkellmu għaż-żmien li qed ngħixu fih u fis-soċjetà Maltija.

Aħna mistiedna nitolbu fil-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien, li l-Papa waqqaf fl-10 ta' Awwissu 2015, u li qiegħed ikun iċċelebrat kull sena fl-1 ta’ Settembru.  Il-ġurnata ta’ talb hija biex toffri lilna l-individwi u l-komunitajiet l-opportunità li naffirmaw il-vokazzjoni tagħna li nkunu stewards tal-ħolqien.  Naqraw u nimmeditaw din l-enċiċlika, li wkoll tagħtina l-opportunità li nerġgħu lura lejn Santu Wistin u nitgħallmu minnu kif ngħixu f’kuntatt mal-ambjent, mal-ħolqien u man-natura.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.