25 sena saċerdozju ta’ P. Joseph Zammit OSA

Kristu s-Saċerdot. Mhux saċerdot bl-ilbies sabiħ. Imma qaddej. Ingħata għalina, għalija, għalik P. Joseph. 

Għotja

Ta’ kuljum ipprova ingħata lill-oħrajn. Tingħata mhux dak li jfettilek moħħok. Imma bil-qalb.  Ippruvajt tingħata (mhux bil-ħila tiegħek). Int ippruvajt tingħata, għalkemm mhux dejjem – kif tħobb issemmi int – imma kompli ipprova... Ħallik mill-karririżmu, minn ħafna kliem sabiħ, minn ħafna tfettiq – għix il-ħajja ta’ kuljum bis-sempliċità. Issir qaddis billi tgħix l-ordinarju ta’ kuljum. U dan tgħixu bi mħabba.

 

Kull filgħodu għandek għażla – jew tagħmel il-ħajja tal-oħrajn infern, bil-ġdiedem, b’nofs qalb jew tingħata b’ferħ u tkun ta’ għajnuna għall-oħrajn; tweżinhom, tkenninhom, tqawwihom,...Jekk ma tingħatax, il-vokazzjoni tkun mejta. Għaliex, kull vokazzjoni/sejħa hija għotja lill-oħrajn – ma hix magħluqa fiha nfisha!. Jekk hija magħluqa fiha nfisha ma hix vokazzjoni. Eż: ir-raġel u l-mara jingħataw għal xulxin u għall-familja, l-ħajja single għall-oħrajn b’missjoni partikolari, r-reliġjuż għall-ħutu fil-komunità, is-saċerdot għall-Poplu t’Alla...mhux għalih innfisu imma hija miftuħa għall-oħrajn, dawk li taf u dawk li ma tafx, imma b’qalb miftuħa.

 

Tingħata billi taħsel saqajn l-aħwa. Aħsel saqajn l-aħwa. Aħslilhom saqajhom bi mħabba. Aħslilhom saqajhom fid-dettall. Waqt li taħslilhom saqajhom, kun moħħok hemm. Ismagħhom, qawwilhom qalbhom quddiem l-inċertezzi li qed jgħixu, għadirhom, ħobbhom kif inhuma, għinhom iqumu, tiġġudikahomx, tistmellhomx, twarrabhomx...

 

U wara li taħslilhom saqajhom, ixxutalhom saqajhom.

Ftakar li int

Fardal li jifhem, għalhekk jixxotta

Fardal li jieħu fuqu, għalhekk jidħol bejn is-swaba

Fardal li jgħaddi bil-ħlewwa minn fuq xi ferita, imma fl-istess ħin jipprepara r-riġlejn għall-pass li jmiss.

 

Waqt li taqdi lill-komunità nisranija, sammar l-attenzjoni u l-impenn tiegħek fuq Kristu li hu l-mudell per eccelenza  ta’ kull presbiteru. Ġesù huwa s-Saċerdot il-Kbir tal-Patt il-Ġdid li jibqa’ għal dejjem. Huwa fl-istess ħin is-Saċerdot u l-Vittma. Tħarisx bnadi oħra. Biex il-qadi jkun l-istil ta’ ħajtek, fannad ir-relazzjoni personali tiegħek mal-Imgħallem u l-Maħbub li ta’ kuljum isejjaħlek għal warajh. P. Joseph, il-ġenn li hemm fl-għotja b’xejn tal-imħabba lejn l-oħrajn nistgħu nifhmuh biss fid-dawl tal-ġenn tal-għotja b’xejn tal-imħabba li wriena Ġesù fl-Għid tiegħu.

 

Tiġdid

Ibqa’ ta’ kuljum għamel l-esperjenza tal-Eżodu. Din l-esperjenza hija paradigma tal-ħajja Nisranija. Dan b’mod partikolari għal min iħaddan vokazzjoni ta’ għotja speċjali għall-qadi tal-Vanġelu, bħal dik tiegħek. Huwa qadi tal-Vanġelu u mhux tiegħek innifsek jew ta’ oħrajn. Għalhekk ibqa’ ta’ kuljum għamel l-esperjenza tal-Eżodu. U x’inhi din l-esperjenza? Hija atteġġjament dejjem imġedded ta’ konverżjoni u trasformazzjoni, fejn tibqa’ dejjem f’mixja, f’dik il-mogħdija mill-mewt għall-ħajja. Ara fik ta’ kuljum fejn huwa mejjet, fejn il-qadi tiegħek huwa mejjet, fejn il-qadi jsir b’nofs qalb jew għax xi ħadd qallek, jew f’xi forma ta’ biża u ibdlu f’qadi ħaj. Il-qadi ħaj għal kuntrarju huwa qadi li ħiereġ mil-qalb, b’mod spontanju, bi kreattività, b’ħeġġa, b’entużjażmu, b’dedikazzjoni.

 

Għażiż P. Joseph, tinsiex li  l-vokazzjoni hi dejjem dik l-azzjoni ta’ Alla li toħroġna mis-sitwazzjoni li konna fiha fil-bidu, teħlisna minn kull xorta ta’ jasar, tiġbidna ’l barra mid-drawwa u mill-indifferenza, u tmexxina lejn il-ferħ tal-komunjoni ma’ Alla u ma’ ħutna. U dan tagħmlu permezz tal-għotja totali u tal-qadi.


© 2019 agostinjani.org. All Rights Reserved.