Mind the gap u s-Sena tal-Fidi

User Rating: 0 / 5

Star InactiveStar InactiveStar InactiveStar InactiveStar Inactive
 

Kull min ra xi dokumentarju jew qara xi artiklu dwar Londra jew kien xi darba f’din il-belt metropolitana, u għamel użu mis-servizz tal-underground f’din il-belt, jinduna li dan huwa

avviż biex wieħed joqgħod attent għal vojt li jkun hemm bejn il-platform u t-tube tal-underground. Mind the gap saret l-frażi li ssibha fuq flokkijiet, tazez u elf ħaġa oħra biex tfakkrek f’Londra. Hemm distanza, li tista’ tkun ċkejkna jew kbira skont il-każ, pero li tista’ tkun li tfixxklek u ttelfek. Dan il-vojt bejn ħaġa u oħra, bejn punt u ieħor, bħalma fid-daħla tal-Belt Valletta hemm d-diċċ, li fl-arkitettura tal-belt kien sar bi skop li dawk li qegħdin barra l-belt mdawra bis-swar ma tkunx faċli għalihom li jidħlu fil-belt sakemm ma jkunx hemm pont minn post għal ieħor li wieħed ikollu aċċess għalih biex jidħol fil-Belt.

Nimmaġina jkun hemm min jistaqsi: Dan is-sinjal Mind the gap u s-sena tal-fidi, x’għandhom x’jaqsmu flimkien? F’udjenza ġenerali f’Ottubru 2012, meta matul dak ix-xahar f’Ruma kien għaddej is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar l-evangelizzazzjoni l-ġdida, l-Papa Benedittu XVI semma li fost oħrajn hemm qasma, firda u vojt bejn l-ħajja u l-fidi; bejn dak li ngħixu u dak li nemmnu. U hawnhekk naraw l-importanza li ngħaqqdu u nwaħħdu ma’ xulxin l-fidi u l-ħajja tagħna.

Qegħdin ngħixu f’soċjetà li tara valur kbir li quddiem sfida kbira, kemm personali jew ukoll ta’ pajjiż, wieħed (jew waħda) jaqsam f’biċċiet din l-isfida biex ikun jista’ jiddiskutiha, janalizzha, jistħarriġha, u jsib tarf tal-kobba mħabbla. Jasal ukoll li l-isfida tintrebaħ ukoll. Dan huwa punt importanti fejn sfida tinbidel ukoll f’opportunità posittiva. Fl-istess ħin, qegħdin ngħixu f’kompatamentalizazzjoni fil-ħajja tagħna – kelma twila, li tgħajjik biex tgħidha u li wkoll jista’ jkun li ma tgħidix tajba, bħalma jiġri lili! Din il-kelma tfisser li kull aspett tal-ħajja qiegħed f’kompartament għalih, f’kaxxa għalih mingħajr ma jkun hemm dik il-connection bejn ħaġa u oħra, bejn aspett u ieħor. Ħa nagħti eżempji.

Meta konna żgħar tgħallimna fidi mill-ġenituri jew familjari tagħna. Ma hemmx ġideb. Le għal vjolenza. Nikkopera. Nkun ġeneruż. Naħseb fl-oħrajn. Nafda fl-oħrajn. Nkun f’paċi. Punti kollha bbażati fuq il-parabboli u t-tgħalim ta’ Ġesù. 

Meta kbira ftit u tfarfarna, l-affarijiet bdew jikkumplikaw ftit ruħhom. Barra dawn il-valuri kien hemm affarijiet oħra bħall-popolarità, li wieħed ikun makak; li jgħid xi ġidba; wieħed jammira l-qawwa, s-saħħa u s-sbuħija minflok l-umiltà u s-servizz; ftaħir; li wieħed iqarraq jimxi iktar il-quddiem; fost affarijiet oħra. 

Imbagħad meta wieħed beda jistudja fl-livell aktar avvanzat jew jaħdem beda jara l-affarijiet iktar differenti, fejn l-qasma u l-vojt bejn il-fidi u l-ħajja kompla jikber. Wieħed jitgħallem il-vantaġġi li ma jgħidx il-verità sħiħa. Jitgħallem kif jimmanipula lil oħrajn. Jitgħallem kif iġib dak li jrid u ma joqgħodx jinkwieta ħafna wieħed x’għamel biex ġab dak li ried, anke jekk jagħmel favuri lill-persuni oħra basta jġib dak li kellu bżonn.

Barra dawn hemm ukoll dawk li persuna jkollha attributi interni differenti għal persuna tiegħu sħiħa, bħar-reliġjon, politika, xjenza, ġudikatura, professjoni, sesswalità, għanijiet fil-ħajja, interessi personali, divertiment, etc li ftit li xejn ikun hemm overlap, li parti tkun fuq l-oħra u magħquda ma’ xulxin: dak li nagħmel fin-negozju, waqt il-ħin tax-xoghol huwa differenti mir-reliġjon li nemmen; l-aspett tal-politika huwa differenti mill-fidi, bħalma hija x-xjenza, l-ispiritwalità u l-flus, issues morali u l-affarijiet oħra li ssemmew. Dan kollu juri li wieħed ma hux integrat. Wieħed integrat ikollu dawn l-affarijiet kollha magħqudin u magħġunin ma’ xulxin – bħal kejk mħawwad tajjeb u li fih ma tarax is-saffi li tara fi trifle, per eżempju. 

Dan naraw ukoll fl-ispiritwalità, fejn l-mistoqsijiet bażiċi tal-ħajja bħal, għaliex twelidna, għaliex it-tbatija, għaliex hawn il-ħażen; l-mistoqisja tal-ġuħ u l-għatx għal Alla; u t-tfixxija għal dak kollu li jagħmel sens, ikunu separati minn dak li ngħixu, minn dak li nemmnu, u allura tkun spiritwalità bla ankra. Pero l-ankra tagħna huwa Ġesù Kristu. Ir-relazzjoni personali u intima ma’ dan Alla, ma tkunx biss f’ritwali u talb imma wkoll f’impenn prattiku, bħalma ma naraw fl-Evanġelju skont San Luqa fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, fejn l-kompassjoni, il-ħniena, l-umilta, l-paċenzja u l-imħabba qegħdin preżenti. 

Dak li nemmnu, dak li niċċellebraw, dak li ngħixu u dak li nitolbu huma mwaħħda u magħqudin ma’ xuxlin, kif jenfazizza l-Papa Benedittu, meta kien għadu Kardinal fl-2005, fid-daħla tiegħu għall-Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Jerġa’ mbagħad jagħmel din l-enfasi fl-Enċiklika tiegħu Deus Caritas Est - Alla hu Mħabba – fejn isemmi l-interdipendenza tal-fidi, l-qima u l-għixien fejn huma magħqdin f’realtà waħda li jkunu msawrin mil-laqgħa tagħna tal-imħabba ta’ Alla. Meta noħorġu mill-knisja u mill-quddiesa, l-Ewkaristija tkompli anke fit-toroq tal-belt tagħna, fejn meta nkunu għamilna talb għal dawk li jkunu fil-bżonn waqt il-quddiesa, dan it-talb jitkompla fil-komunità permezz tal-għajnuna u l-impenn fil-qasam politiku u soċjali. Din hija l-invitazzjoni fl-aħħar tal-quddiesa – Morru fil-paċi u l-imħabba biex taqdu u taqsmu l-imħabba t’Alla. Naqsmu din l-imħabba permezz ta’ sapport, għajnuna, djakonija, smiegħ lil persuni, preżenza tagħna u kelma ta’ kuraġġ, għaliex bħalma jgħidilna Ġesù: “minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13, 35).

Din hija l-aħbar it-tajba li ġabilna Ġesu Kristu – “Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom” (Ġw 13,17). Jekk nafu li hemm dawn il-gaps, dan il-vojt u qasmiet fil-ħajja tagħna, henjin aħna jekk nibnu l-pontijiet u naraw l-bniedem sħiħ, fit-totalità tiegħu, magħqud, u fejn s-sinjal Mind the gap ma jkunx hemm aktar bżonnu!

David Cortis osa

 


© 2017 agostinjani.org. All Rights Reserved.