Nerġgħu niċċelebraw l-Ewkaristija flimkien

Minn nhar is-Sibt 13 ta’ Ġunju filgħaxija f’Malta ser jerġgħu jibdew isiru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-quddies fil-pubbliku. Wara tliet xhur niċċelebraw l-Ewkaristija privatament fil-komunitajiet Agostinjani tagħna, nieħdu gost li issa ser nerġgħu nibdew naqsmu dan il-mument tant għażiż għalina flimkien magħkom f’diversi Knejjes li aħna nservu.  Nistennew bil-ħerqa l-mument li flimkien nerġgħu nibdew niċċelebraw il-fidi tagħna.

Madanakollu tifhmu li ċ-ċirkostanzi li għadna qed ngħixu għadhom qed ipoġġu fuqna ħafna restrizzjonijiet. Fil-knejjes ser ikunu qed jidħlu ammont limitat ta’ persuni minħabba d-distanza li hemm bżonn tinżamm bejn persuna u oħra. F’dawn iċ-ċirkostanzi nħeġġukom taslu fil-knejjes qabel il-ħin minħabba li jista’ jkun ma jkunx hemm spazju għal kulħadd. Tifhmu kemm tkun iebsa għalina li jkollna naċċettaw biss numru partikolari ta’ nies (skond il-kobor tal-Knisja).

Hemm anke numru ta’ prekawzjonijiet li jridu jittieħdu biex nipproteġu s-saħħa ta’ xulxin bħal ngħidu aħna; li tkun ippruvata t-temperatura fid-daħla tal-Knisja, li jintuża sanitiżer, u  li tintlibes il-maskla jew visor. B’dispjaċir għalina, d-direttivi qed jitolbu anke lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 65 sena jew li huma vulnerabbli biex għalissa ma jgħinux fil-knejjes jew fuq l-altar. Nixtiequ nieħdu l-okkażjoni biex nesprimu l-apprezzament kbir tagħna għall-għajnuna li tagħtuna matul is-sena kollha u nistennew il-mument meta tkunu tistgħu tkomplu tgħinuna fid-diversi ministeri li taqdu. F’dan il-kuntest, inħeġġu anke persuni oħra li għandhom anqas minn 65 sena u jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex javviċinaw lil min hu responsabbli mill-Knisja partikolari.

Minħabba limitazzjoni ta’ spazju u x-xogħol ta’ restawr li għaddej, għalissa l-Kappella ta’ Santa Rita f’San Ġiljan ser tibqa temporanjament magħluqa għal ftit ġimgħat oħra. Nittamaw li għal Settembru ċ-ċirkustanzi jkunu aħjar u nkunu nistgħu inkomplu nagħtu s-servizz pastorali tagħna hemmhekk ukoll. Sadanittant f’San Ġiljan stess, bħala Agostinjani ser inkunu qed niċċelebraw il-quddies fil-Knisja tal-Madonna tal-Bon Kunsill. Il-Kappella tal-Monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta għalissa ser tibqa wkoll magħluqa għall-pubbliku għalkemm l-Ewkaristija baqgħet u ser tibqa tiġi ċċelebrata xorta waħda mal-komunità monastika.

Napprezzaw ferm il-koperazzjoni tagħkom f’dan kollu u l-għajnuna biex is-servizz jista’ jibqa jinagħta f’diversi realtajiet. Nieħdu gost li anke intom tapprezzaw l-isforsi li qed isiru fiċ-ċirkustanzi preżenti.

Il-ħinijiet u l-postijiet fejn ser inkunu qed niċċelebraw l-Ewkaristija minn nhar is-Sibt 13 ta’ Ġunju filgħaxija għalissa ser ikunu dawn:

 

Knisja Parrokkjali Santu Wistin Valletta:

mit-Tnejn sas-Sibt: 6am, 7.10am, 9.30am, 7.15pm

Il-Ħadd: 7.30am, 9.30am, 10.45am, 7.15pm

 

Knisja Madonna tal-Parir it-Tajjeb, Paceville:

mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 7.30am, 6.45pm

Is-Sibt: 7.30am, 6.30pm, 9.30pm

Il-Ħadd: 7.30am, 9.00am, 11.30am (Bl-ingliz)

 

Knisja San Nikola minn Tolentino, Ħal Tarxien:

mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 6.30am, 8.30am

Is-Sibt: 6.30am, 8.30am, 6.30pm

Il-Ħadd: 7.00am, 8.30am, 10.00am

 

Knisja San Mark, ir-Rabat:

mit-Tnejn sas-Sibt: 6.00pm

Il-Ħadd: 10.00am

 

Knisja San Martin, il-Baħrija:

mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 6.30pm

Is-Sibt: 6pm

Il-Ħadd: 9.00am

 

Kappella Sant'Anton Abbati, il-Buskett:

is-Sibt: 7.00pm

Il-Ħadd: 8.00am

 

Knisja Santu Wistin, Victoria, Gozo:

mit-Tnejn sas-Sibt: 7.00am, 6.30pm

Il-Ħadd: 7.00am, 9.45am

 

(Fix-xhur li ġejjin dawn il-ħinijiet ikunu riveduti skond iċ-ċirkustanzi)


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.