P. Alexander Cauchi O.S.A. - Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta

Waqt iż-żjara li għamel fil-Knisja Parrokkjali tagħna fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Rita, l-E.T. Mons Charles Jude Scicluna ta l-pussess bħala Kappillan ġdid tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta lil ħuna P. Alexander Cauchi O.S.A. li f’dawn l-aħħar xhur kien qed iservi bħala Amministratur Parrokkjali. Iċ-ċirkustanzi li qed ngħixu bħalissa ma ppermettewx li ċ-ċelebrazzjoni tal-bidu tal-ħidma pastorali fil-Parroċċa ssir bir-riti esplikattivi li s-soltu jsiru f’okkażjoni bħal din.

P. Alexander twieled f’San Ġiljan fis-16 ta’ Ġunju 1971. Wara s-sena tan-Novizzjat f’Tolenetino l-Italja, għamel l-ewwel professjoni fil-Familja tagħna Agostinjana fit-13 ta’ Settembru 1991. Fit-13 ta’ Novembru 1994 imbagħad għamel il-Professjoni Solenni. P. Alexnder kien ordnat saċerdot fit-18 ta’ Ottubru 1996 u ħadem f’diversi realtajiet pastorali li fihom inservu bħala agostinjani. Fost dawn, ta’ min isemmi l-ħidma tiegħu fir-Rabat, f’Ħal Tarxien u fil-Kulleġġ Santu Wistin. Għal diversi snin ħadem ukoll fil-Komunita’ tagħna tal-Belt Valletta kemm bħala viċi Kappillan u anke bħala Pirjol kif għadu jservi sa llum.

Minn qalbna nawguraw lil P. Alexander Cauchi, ħidma fejjieda fl-għalqa tal-Mulej waqt li nwiegħduh it-talb tagħna.

 

 


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.