Xi jrid Alla minni?

Xi jrid Alla minni?

X’jixtieq minn ħajti?

X’inhi s-sejħa li għandu għalija?

Fejn nista’ nsib il-ferħ veru f’din id-dinja?

Dawn huma domandi diffiċli u jistgħu ibeżżgħuna imma fl-istess ħin mistednin inpoġġu t-tama f’Alla li huwa Missier u wegħedna li ser jakkumpanjana tul ħajjitna kollha. Il-wegħda tiegħu tirbaħ kull inċertezza, dubju u tbatija.

Ir-risposta għall-mistoqsija ta’ “Alla xi jrid minni” hija bejnek u bejn Alla imma hemm diversi aspetti li jgħinuk fir-riflessjoni (dixxerniment) biex twieġeb b’onestà u fedeltà dak li Alla jrid minnek.

Qabel nitkellmu minn x’tip ta’ sejħa Alla għandu għalija, hemm mistoqsija ikbar – X’tip ta’ qdusija Alla jrid għalija? Kulħadd huwa msejjaħ għall-qdusija: lajċi single impenjati, miżżewġin, reliġjużi u saċerdoti. Din hija s-sejħa universali li tgħodd għal kulħadd. Fl-aħħar il-Mulej mhux ser jistaqsina jekk kontx, saċerdot jew miżżewweġ imma jekk ħabbejniex lill-oħrajn. San Ġwann tas-Salib jgħid li fl-aħħar jum aħna ser inkunu ġġudikati fuq l-imħabba biss.

X’ser ikun l-istat tal-ħajja tiegħi? Kif ser inkun naf għal-liema triq jiena msejjaħ: ħajja reliġjuża, ħajja saċerdotali, lajk single impenjat? Niżżewweġ u nibni familja? Hija din il-persuna li magħha ser naqsam ħajti u nwiegħed li nirrispetta u nħobb ħajti kollha?

Għalhekk il-mistoqsija vokazzjonali ssir: Liema sejħa l-iktar li ser tħallik tħobb u tagħti lilek innifsek lil Alla u lill-oħrajn: billi trabbi familja, issir saċerdot, tgħix il-ħajja reliġjuża jew il-ħajja ta’ lajk single impenjat/a? Nixtieq naqsam miegħek ftit aspetti li jgħinuk tkompli tfittex u tiskopri dak li Alla jrid minnek.

Ir-relazzjoni tiegħek mal-Mulej hija ferm importanti f’dan iż-żmien ta’ riflessjoni u deċiżjonijiet kbar fil-ħajja tiegħek. Ħalli l-Kelma ta’ Alla tkun  kumpann fil-mixja tiegħek, ipparteċipa fl-Ewkaristija li hija l-ikel u x-xorb tal-ħajja tagħna, faħħar lil Alla b’ħajtek u tiddejjaqx toqgħod quddiem l-Ewkaristija, fil-preżenza tiegħu. Irrifletti fuq ix-xewqa sinċiera li tagħti lilek innifsek lill-oħrajn għax kull sejħa għandha l-għan li tingħata lill-oħrajn.

Isma’ x-xewqat li hemm fil-fond ta’ qalbek u b’hekk tkun taf x’inhu dak il-ferħ li l-Mulej ħejja għalik, hu jitkellem fis-silenzju tal-qalb u fl-esperjenzi li jgħaddik minnhom, fil-persuni li magħhom tiltaqa’. Huwa normali li tħossok imħawwad u xi drabi l-istess xewqat ikunu opposti ta’ xulxin. Kemm ilek tħoss din ix-xewqa għas-sejħa partikolari? Il-persistenza u l-perseveranza tax-xewqa tkompli tagħtik dawl fuq dan kollu.

Aspett importanti f’dan iż-żmien ta’ riflessjoni huwa l-prinċipju tar-realtà. Ilkoll nafu li huwa Alla li jsejjaħ, huwa ħaddieħor li jaċċetta li jgħix ħajtu miegħek. Din hija r-realtà esterna – jekk naraw is-sejħa għall-ħajja miżżewġa nirrealizzaw li jrid ikun hemm l-istess rieda u xewqa miż-żewġ persuni, ma nistax naħseb li jien inħobb lil dik il-persuna jekk il-persuna l-oħra mhux tħoss l-istess emozzjonijiet u ma tixtieqx tkompli ssir tafni.

L-istess ħaġa fis-sejħa għall-ħajja reliġjuża/saċerdotali. Hija l-Knisja li ssejjaħ/tistieden u tilqa’ l-persuna biex tgħin l-għalqa tal-Mulej. Għalhekk huwa importanti li d-dixxerniment isir minnek u mill-Knisja (minn persuna li tkun qed takkumpanjak fil-mixja vokazzjonali tiegħek – akkumpanjatur vokazzjonali, direttur spiritwali, surmast eċċ). Dan l-aspett ikompli jgħin fit-tfittxija għas-sejħa awtentika u sinċiera li Alla għandu għalik.

Jista’ jkun li l-biża’ twaqqfek u ma tħallikx tkompli tiskopri s-sejħa li Alla għandu għalik. Nistgħu nibżgħu li Alla qiegħed isejħilna għal xi ħaġa li mhux ser inkunu kuntenti. Alla ma jixtieqx li fis-sejħa u l-ħajja tagħna nkunu mdejqin imma l-iskop tas-sejħa huwa li jsalvana u jagħtina l-ħajja. Is-sejħa vera hija dik li timliena bil-ferħ u l-entużjażmu, dik li tagħtina l-paċi veru tal-qalb u tħallina nkunu aħna stess. M’għandekx għalfejn ġġiegħel lilek innifsek tibdel il-personalità tiegħek biex tidħol f’dik is-sejħa partikolari. Din għandha tkun naturali fl-istess waqt bix-xewqa tal-għarfien dejjem iktar tiegħek innifsek fi żvilupp kontinwu matul iż-żmien. Il-Mulej ser iħejjina u jibdilna għal dak li għandna bżonn.

Nibża’ li mhux ser inkun kapaċi ngħix u nwettaq dak li Alla jrid minni.

Biża’ komuni huwa l-biża’ personali – l-biża li mhux ser inkun kapaċi, il-mistħija li twaqqafni milli nagħmel pass f’ħajti, il-biża’ mid-dgħufijiet tiegħi. Dawn huma kollha biżgħat normali u m’għandix inħallihom ifixkluni milli nkompli nintelaq f’idejn il-Mulej. Il-biżgħat u d-dgħufijiet tagħna huma parti minn ħajjitna u permezz tagħhom inkomplu niskopru lilna nfusna. Tista’ tegħlibhom? Iva tista’, imma bil-mod u b’ħafna paċenzja, dan jitlob ħafna żmien, talb, u għajnuna minn diversi persuni oħrajn (ħbieb, akkumpanjaturi spiritwali, għajnuna professjonali eċċ). Għandna bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor biex inqumu u noħorġu minn dawn id-dgħufijiet.

Jekk tixtieq twieġeb għal sejħa li hemm f’qalbek, agħmel kuraġġ u taqtax qalbek, il-Mulej ser ikun miegħek anke fil-mumenti li fihom ma tagħrafx il-preżenza tiegħu. Għażilt triq diffiċli u ta’ sfidi kbar, jista’ jkun li ta’ madwarek mhux qegħdin jagħmlu l-istess għażla, tħossok miexi kontra l-kurrent u t-triq hija dejqa ħafna? Tistenniex sakemm tkun il-ġenna biex tħoss l-imħabba tal-Mulej...ibda minn hawnhekk! Il-Mulej qiegħed jistenniek. Intelaq f’idejh...Ħallih imexxik...Agħmel il-pass illum!

Jekk tixtieq tiskopri iktar dak li Alla jrid minnek, ikkuntattja lil P. Terence Spiteri osa fuq 21222884 jew email This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it..

fr.Terence Spiteri OSA

Akkumpanjatur Vokazzjonali


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.