Il-Provinċjal jaqsam l-esperjenza tiegħu wara żjara lil P. Luċjan f’Kuba

Fil-jiem li għaddew għamilt żjara ta' erbat ijiem lil ħuna P.Luċjan f'Kuba. Fil-belt kapitali Havana, P. Luċjan jgħix flimkien ma’ reliġjuż ieħor spanjol (P. Miguel Angel). Filfatt issa d-delegazzjoni kollha ta' Kuba, fejn għandna 3 komunitajiet, taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Provinċja ġdida Spanjola. M'hemmx għalfejn ngħidilkom li laqgħuni mmens u kienet esperjenza pożittiva li nara l-ħidma tagħhom u naqsam magħhom dawn il-jiem. Filfatt il-komunita li jgħixu fiha hija wkoll parroċċa u P. Miguel Angel huwa l-kappillan. Ħuna Luċjan jinsab tajjeb, u jaħdem aktar fil-kamp akkademiku għalkemm jgħin ukoll fil-pastorali tal-Parroċċa.

Hija realtà ta' nies li jgħixu ġeneralment f'faqar u mċaħħdin minn tant affarijiet. Madanakollu fil-pajjiż u fil-belt stess fejn jgħixu l-patrijiet hemm binjiet mill-isbaħ u jgħaddu minn hemm anke ħafna turisti. Sa qabel ir-rivoluzzjoni, bħala Agostinjani kellna 4 komunitajiet fil-belt ta' Havana u għalkemm illum m'għadhomx f'idejna, il-Knejjes għaddew lura għand il-knisja.

F’dawn il-jiem kelli laqgħat mad-direttur tal-Istitut fejn jgħallem ħuna Luċjan u mar-rettur tas-seminarju li t-tnejn urew l-apprezzament tagħhom għall-kontribut li hu qiegħed jagħti hemmhekk. Il-missjoni fil-kamp akkademiku hija missjoni partikolari għaliex għalkemm legalment l-edukazzjoni jagħtiha biss l-istat, bħala knisja qed jibnu bilmod istitut li 'l quddiem (meta ż-żminijiet ikunu aħjar) jista’ jkun ukoll Università kattolika bħalma kien hemm snin ilu. Filfatt il-korsijiet li jingħataw hemmhekk diġa huma rikonoxxuti mis-sistema ta’ Bologna u mill-Kongregazzjoni f'Ruma.

Nixtieq li nkomplu nżommu l-missjoni f'Kuba fit-talb tagħna, partikolarment matul il-ġimgħa li ġejja meta ser ikollhom l-assemblea tad-delegazzjoni ħalli l-Mulej ikompli jgħinuhom fid-deċiżjonijiet u l-għażliet li jridu jagħmlu.

 

 


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.