It-tislima f'Malta lill-Kardinal Prospero Grech OSA

Il-Provinċja Agostinjana Maltija, flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, għaddejja bit-tħejjijiet għall-aħħar tislima f’Malta lill-Emminenza Tiegħu l-Kardinal Prospero Grech.

Il-fdalijiet tal-Kardinal Grech jaslu Malta nhar l-Erbgħa 8 ta’ Jannar 2020. Fl-4:30 pm, il-korteo funebri jasal il-Birgu, fejn twieled u tgħammed, biex isir mument ta’ talb fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz. Fis-6pm, il-korteo jitlaq mill-Birgu lejn il-kunvent tal-Agostinjani ta’ San Mark, ir-Rabat. Dak il-ħin il-kunvent ma jkunx miftuħ għall-pubbliku.

L-għada filgħodu, il-Ħamis 9 ta’ Jannar, bejn id-9am u nofsinhar, il-fdalijiet tal-Kardinal Grech jitqiegħdu fil-kappella tal-kunvent għall-qima tal-pubbliku. Hemmhekk wieħed ikun jista’ jiffirma l-ktieb tal-kondoljanzi. F’nofsinhar tindaqq mota funebri fil-knejjes kollha f’Malta u Għawdex.

Fis-1:40pm, it-tebut jittieħed fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina, u fis-2pm issir quddiesa praesente cadavere b’suffraġju għall-Kardinal, ippreseduta mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Flimkien mal-Arċisqof ser jikkonċelebraw l-Arċisqof Alessandro D’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta; l-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex; l-Isqof Joseph Galea-Curmi; u l-Isqof Pawlu Darmanin, Isqof Emeritu tad-Djoċesi ta’ Garissa, il-Kenja.

L-Ordni Agostinjan ser ikun rappreżentat mill-Vigarju Ġenerali, Patri Joseph Farrell, flimkien mal-Assistent Ġenerali Patri Edward Daleng. Il-Provinċja Agostinjana Maltija ser tkun rappreżentata mill-Pirjol Provinċjali Patri Leslie Gatt u għadd ta’ reliġjużi oħra tal-Provinċja. Magħhom ser jikkonċelebra wkoll Patri Alexander Longs f’isem il-Komunità ta’ Santa Monika f’Ruma, fejn il-Kardinal għex għal aktar minn 60 sena.

Il-kongregazzjoni ser tkun immexxija mill-President ta’ Malta Dr George Vella. Wara l-Quddiesa, id-difna tkompli f’forma privata.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija tixtieq li minflok fjuri jintbagħtu għotjiet ta’ karità lid-Dar tal-Provindenza jew lis-Segretarjat għall-Missjonijiet Agostinjani, li kienu tant għal qalb il-Kardinal Prospero Grech.


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.