Jindaqqu f’Ħal-Qormi xogħolijiet tas-Surmast P. Ġużepp Spiteri Fremaud O.S.A.

F’Serata li ttellgħet llum 18 ta’ Ottubru, fl-okkażjoni ta’ Jum Ħal Qormi ġiet esegwita għall-ewwel darba mużika tas-Surmast Agostinjan Qormi P. Ġużepp Spiteri Fremaud. Is-Sinfonija li kienet esegwita llejla ġiet mislufa mill-Arkivju tal-Mużika tal-Provinċja tagħna Agostinjana li jinsab il-Belt Valletta. L-arkivju mużikali tal-Provinċja jiġbor fih patrimonju imprezzabbli, li jinkludi x-xogħolijiet tal-istess Spiteri Fremaud li għex il-parti kbira tal-ħajja reliġjuża tiegħu fl-istess kunvent fil-belt Valletta. Hemmhekk għallem fil-Kulleġġ Santu Wistin proprju fl-ewwel snin tiegħu f’nofs is-seklu 19. Hemmhekk ukoll huwa fetaħ skola tal-mużika  waqt li fis-skiet tal-kunvent ikkompona xogħolijiet mill-isbaħ. Fost l-istudenti tiegħu insibu kompożituri rinomati bħal Paolino Vassallo, Antonio Nani u Ferdinando Camilleri. Huwa kien anke Maestro di Cappella kemm tal-knejjes agostinjani u anke tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, f’Belt twelidu.

Sadanitant fis-serata tal-lejla s-Sindku  S-Sur Renald Falzon ippreżenta lill-Provinċjal tifkira ta’ ringrazzjament għall-kollaborazzjoni tal-Komunità Agostinjana biex dan ix-xogħol seta jittella’. Fuq kollox hija turija ta’ rikonoxximent lejn il-figura ta’ ħuna P. Ġużepp Spiteri Fremaud, iben dehen tal-belt Pinto u tal-Familja tagħna Agostinjana.


© 2019 agostinjani.org. All Rights Reserved.