P. Leslie Gatt OSA - Elett Pirjol Provinċjal Ġdid għall-Provinċja Agostinjana Maltija

User Rating: 5 / 5

Star ActiveStar ActiveStar ActiveStar ActiveStar Active
 

Nhar it-Tlieta, 2 ta’ Jannar 2018, ġie magħżul is-66 Provinċjal tal-Provinċja Agostinjana Maltija wara li matul dawn l-aħħar tliet xhur, ir-reliġjużi agostinjani maltin, filwaqt li qiegħdin jipreparaw għall-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-Provinċja, waqt din l-istess preparazjoni saru żewġ votazzjonijiet biex jinħatar il-provinċjal il-ġdid. Dan ix-xogħol isir kull erba’ snin. Bħalissa, diversi laqgħat qiegħdin isiru bi tħejjija għal dan il-Kapitlu importanti fil-ħajja tagħna r-reliġjużi agostinjani f’Malta.

Patri Leslie jieħu l-inkarigu ta' din il-missjoni l-ġdida fil-Kapitlu tal-Provinċja ta' Malta li ser jibda fl-4 ta’ April li ġej. Dakinhar huwa jissuċċedi lill-Provinċjal preżenti, Patri Raymond Francalanza li bi mħabba u b’dedikazzjoni kbira qeda fis-snin li għaddew.

Patri Leslie twieled fl-1978 u tgħammed fil-Parroċċa ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta. Fis-sena 2000 beda s-sena tan-Novizzjat fl-Ordni ta’ Santu Wistin fl-Italja u sena wara għamel l-ewwel professjoni fl-Ordni Agostinjan. Fis-sena 2005 kien ordnat saċerdot fil-Konkatidral ta’ San Ġwann mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca. Studja l-lingwa Maltija, il-Filosofija u t-Teologija fl-Università ta’ Malta u wara kompla l-istudju ta’ speċjaliżżazzjoni tiegħu fil-pastorali maż-żgħażagħ u l-kateketika fl-Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma.

Lura Malta, P. Leslie ħadem fil-Komunità tar-Rabat, fil-formazzjoni u l-ħidma maż-żgħażagħ u fil-Kulleġġ Santu Wistin f’Tal-Pieta u l-Marsa, fejn għadu jaħdem sal-lum bħala Rettur tal-Kulleġġ. Il-Mulej ibierek lil P. Leslie f'din il-missjoni ġdida li l-Provinċja qiegħda tpoġġi f’idejh. Nitolbu lil Alla għalih u kif ukoll għall-Provinċja Agostinjana Maltija f’dan il-mument għażiż ta’ mixja l-quddiem għall-qadi ta’ dawk kollha li magħhom naqsmu ħajjitna.

Aħna r-reliġjużi agostinjani maltin nirringrazzjaw lil Patri Raymond Francalanza tas-servizz li ta mill-qalb lill-Provinċja Agostinjana u lill-Knisja f'Malta.

 

 


© 2018 agostinjani.org. All Rights Reserved.