L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna                           

Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta

14 ta’ Settembru 2017

 

 “Tinsewx l-għemejjel kbar ta’ Alla” (S 77, 7). Hekk kantajna fis-Salm Responsorjali li huwa parti mil-Liturġija tal-kelma f’din il-festa għażiża tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, “tinsewx l-għemejjel kbar ta’ Alla”.

Il-Provinċjal, Fr Ray Francalanza, lejn it-tmiem tal-introduzzjoni tiegħu, tkellem dwar id-dilemma li kellu u li kellha l-Provinċja Agostinjana dwar jekk għandhiex tiċċelebra dan il-200 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Aħna llum qegħdin hawnhekk miġbura fuq l-istedina tal-Patrijiet Agostinjani li qegħdin isegwu dan il-parir qaddis: “tinsewx l-għemejjel kbar ta’ Alla”. Għax kull meta ninġabru biex nikkommemoraw anniversarju tiġina t-tentazzjoni li ngħidu aħna se noqgħodu niftaħru b’rixna? Imma l-fatt hu li għandna d-dover nieqfu biex ngħidu grazzi lill-Mulej ta’ dak li għamel fina u permezz tagħna. Il-kommemorazzjoni mhix eżerċizzju ta’ narċiżiżmu — li nħares lejja nnifsi u nieħu pjaċir bija nnifsi — imma eżerċizzju ta’ umiltà li jingħaqad mal-għanja ta’ Marija: “Il-Mulej iħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu u għamel fiha ħwejjeġ kbar”  (Lq 1, 48-49). 

  

Nistgħu ngħidu li f’dawn il-200 sena l-Provinċja Agostinjana kienet ukoll preżenza bħalma jkun hemm fl-għaġna dik li inti tagħmilha tikber: il-fermentum, il-ħmira. Il-preżenza Agostinjana hija dik il-ħmira, dak il-fermentum, li fis-soċjetà Maltija tagħmel ħafna frott mingħajr ħafna storbju. “Il bene che non fa chiasso,” kien iħobb jirrepetiha anke San Ġorġ Preca din l-espressjoni. Il-qamħa, li tikber fis-skiet u fis-silenżju, kultant tikber magħha s-sikrana wkoll. Il-Mulej iħallihom jikbru imma fil-ġudiżżju tal-istorja huwa l-qamħ li jinġabar biex isir ħobż għall-bnedmin.  

Ġesù, hu u jitkellem ma’ Nikodemu juża x-xbieha tas-serp li Mosè refa’ fid-deżert. Nikodemu huwa personaġġ li jfakkarna ħafna f’Santu Wisitn. Huwa bniedem ta’ għerf li kellu mistoqsijiet kbar, li resaq lejn Ġesù fid-dalma tal-lejl u sar dixxiplu fidil tiegħu tant li nsibuh ukoll fil-Ġimgħa l-Kbira jitlob ma’ Ġużeppi ta’ Arimatija l-ġisem ta’ Ġesù. Hu li f’dak il-kollokju kien sama’ lil Ġesù jitkellem fuq il-misteru tal-eżaltazzjoni tiegħu: “kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem” (Ġw 3, 14). Kellu jkun ukoll xhud dirett ta’ din l-eżaltazzjoni. Kien sema’ lil Ġesù jitkellem fuq il-qawmien mill-ġdid u t-twelid mill-ġdid ta’ min jemmen fl-Iben il-waħdieni. “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta dejjem” (v. 16).   

U jekk is-serp fid-deżert, serp tal-bronż, ġie merfugħ ’il fuq minn Mosè biex kull min iħares lejh ifieq mill-gidma qerrieda tas-serp tad-deżert, kull min iħares lejn is-serp il-ġdid merfugħ fuq is-salib ikollu l-fejqan minn dnubieti, il-fejqan mill-velenu l-iżjed qerrriedi, u jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Ġesù jgħid, “ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem”.  U din il-ħajja ta’ dejjem Ġesù jsejħilha wkoll salvazzjoni. Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja imma biex bih hija ssalva.     

Santu Wistin, bħal Nikodemu, huwa dak li fittex fid-dlam imma ltaqa’ ma’ Ġesù bl-għajnuna ta’ San Ambroġ, bl-għajnuna tal-Magħmudija u bil-proċess kbir ta’ konverżjoni. Hu ltaqa’ mal-Mulej sa ma ta’ ħajtu totalment fis-saċerdozju u fl-episkopat. Santu Wistin, bħala dixxiplu u bħala Isqof, kien ukoll xhud tal-eżaltazzjoni tal-Mulej fuq is-salib.  

“Dak il-Mulej li ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,” jgħid l-appostlu Missierna lill-Filippin, “imma tneżża’ minn kollox billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħal bniedem,” dak il-Mulej li “ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 7-8). U llum aħna u ninżlu għarkupptejna quddiem il vero lignum, quddiem is-salib imqaddes li qiegħed fuq l-altar maġġur, aħna niftakru wkoll mhux biss fl-umiljazzjoni tal-Mulej, imma anke fl-eżaltazzjoni tiegħu. “Alla għollieh sas-smewwiet u żejnu bl-isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù - fis-sema fl-art u f’qiegħ l-art - il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkupptejhom, u kull ilsien jistqarr Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (vv. 9-11).    

L-istorja tal-Provinċja Agostinjana kkonfermat preżenza sekulari għax l-Agostinjani ma ġewx Malta fl-1817. Fl-1817 il-komunitajiet Agostinjani fil-gżejjer tagħna saru provinċja. Kien moviment kulturali u anki kważi politiku li l-provinċji li kienu maqgħudin ma’ Sqallija, ikollhom l-awtonomja tagħhom għaliex l-awtoritajiet Ingliżi xtaqu jaqtgħu l-kuntatti kollha li r-reliġjużi kellhom ma’ Sqallija, mar-Renju taż-Żewġ Sqallijiet, delle Due Sicilie. Anke d-Djoċesi ta’ Malta, fl-1830 waqfet li tkun suffragana ta’ Palermo. U allura f’din l-istorja li qegħdin niċċelebraw naraw ukoll l-iżvilupp tal-identità tagħna.

Illum qegħdin ukoll naraw il-fenomenu invers. Hemm provinċji li qegħdin jgħalqu u jingħaqdu mal-Italja, l-Irlanda jew pajjiżi oħrajn. Aħna s’issa meta nħarsu lejn il-familja Agostinjana għadna naraw ġuriżdizzjoni awtonoma u provinċja Maltija. Provinċja Maltija li, kif qal tant tajjeb il-Provinċjal Fr Ray, dejjem kellha spirtu missjunarju. Meta mort il-Brażil kelli x-xorti niltaqa’ anke mal-Agostinjani Maltin ta’ hemmhekk. Imma Fr Ray semma’ wkoll esperjenzi oħrajn li huma attwali. Imma l-Ordni Agostinjana wasslet fil-Gżejjer Maltin mhux biss l-ispirtu tal-fundatur, Santu Wistin, imma wkoll id-devozzjonojiet qawwija tal-Madonna taċ-Ċintura, tal-Madonna tal-Buon Kunsill u tant devozzjonijiet oħra li żviluppaw bil-ħidma tal-patrijiet Agostinjani.  

Dan il-Konkatidral stess għal diversi deċenji gawda mill-mużika li kienet immexxija mill-Agostinjani. Dan huwa patrimonju kbir li huwa ġawhra fil-preżenza ekkleżjastika tal-gżejjer tagħna. U l-preżenza llum mhux biss tal-Isqof Mario Grech, l-Isqof ta’ Għawdex, imma wkoll tan-Nunzju Appostoliku, Mons. Alessandro D’Errico, u tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, huwa sinjal konkret ta’ gratitudni lil Alla imma anke lil dawn l-aħwa tal-Ordni ta’ Santu Wistin, għall-ġenerożità tagħhom, għad-dedikazzjoni tagħhom u għax-xhieda tagħhom.   

F’din il-festa solenni tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, illum nirringrazzjaw lill-Mulej għall-fidwa li ġabilna u għall-prezz għoli li ħallas biex jurina kemm iħobbna. Il-Papa kellu din l-espressjoni sabiħa dalgħodu meta qaddes f’Santa Marta: “is-salib huwa għajta ta’ mħabba, is-salib ta’ Ġesù huwa kollu mħabba”.   

L-aħwa, għadni ġej minn Londra fejn kelli l-opportunità nżur lil ħutna Maltin u Għawdxin li jitilgħu hemmhekk għall-kura speċjalizzata. U kelli l-privileġġ noqgħod ħdejn is-sodda tat-trabi tat-twelid, ta’ żgħażagħ, ta’ tfal u ta’ adulti. Il-mard ma jħares lejn wiċċ ħadd, kif tafu, u inti tara s-salib ħaj u konkret. Pazjent,  kien għadu żagħżugħ, qalli xi ħaġa li ma ninsieha qatt. Qalli, “Father, jiena kont inbiegħ is-saħħa u missetni din ix-xorti, mhijiex sabiħa. Imma meta nara t-tbatija fit-tfal taf x’nħidlu lil Ġesù? Neħodha jiena t-tbatija tagħhom basta ma jbatux huma”. U jiena f’qalbi għidt, “Hawnhekk qiegħed fil-preżenza ta’ xi ħadd li fehem il-misteru tas-salib tal-Mulej.” Dan ma għamilx ħafna korsijiet tat-Teoloġija imma hu, b’imħabba kbira u fil-verità, lest li jitgħabba bil-mard ta’ ħaddieħor biex ma jarax lil ħaddieħor ibati.   

U aħna hekk ngħidu fil-Ġimgħa l-Kbira, aħna u nirrepetu l-kliem tal-profeta Isaija: “tgħabba bil-mard tagħna, id-dnub tagħna waqa’ fuqu […] mill-ġrieħi tiegħu aħna ksibna l-fejqan” (ara Is 53 4.5). Dawn huma l-qaddisin tal-lum. Jien ma rridx nikkanonizzah lil dan ir-raġel, ma jafx li qed insemmih u mhux se ngħid min hu. Alla jaf min hu. Imma dawn huma l-qaddisin tal-lum, l-aħwa, u allura San Pawl kellu raġun isejjaħ lill-aħwa qaddisin, għax il-qaddisin huma dawk li minkejja li huma dgħajfa u midinbin, fehmu l-qalb ta’ Ġesù u jippruvaw jgħixu din il-vokazzjoni.

U intom li intom devoti ta’  Santu Wistin u qrib il-kariżma tiegħu permezz tal-patrijiet Agostinjani, meta tħarsu lejn il-motto tiegħu u lejn is-simbolu għażiż tiegħu tal-qalb minfuda, ftakru u itolbu, “Mulej, inti li inti ta’ qalb ħelwa u umli agħmel li l-qalb tagħna tkun bħal tiegħek”.

“Tinsewx l-għemejjel kbar ta’ Alla”. Aħna llum ġejna hawnhekk biex niftakru biex ma ninsewx nirringrazzjaw lill-Mulej talli, permezz tal-aħwa Agostinjani, ikompli jagħmel fostna għemejjel kbar.

 

 Charles J. Scicluna

    Arċisqof ta’ Malta


Bejn it-3 u l-10 ta’ Settembru, il-grupp ta’ żgħażagħ agostinjani ingħaqad mal-komunità tal-patrijiet f’Taize (Franza) biex jagħmel esperjenza ta’ talb, fidi u komunità flimkien ma’ żgħażagħ oħrajn minn pajjiżi differenti li qegħdin jagħmlu l-mixja fil-fidi tagħhom.

 

(Ritratt James Pizzuto)

Uħud minn dawk li ħadu sehem f’din l-esperjenza qegħdin jaqsmu magħna l-ħsibijiet tagħhom.

 

Fr. Franco Grech osa

L-esperjenza tiegħi f’Taize’ kienet esperjenza ta’ Alla bħala ġmiel. Il-presenza ta’ Alla kienet tinħass f’dak kollu li hu Taize: il-ġmiel tal-kampanja mill-isbaħ; il-ġmiel tal-ħajja f’ Taiże fejn titgħallem, titlob, tiddiskuti, u sservi; il-ġmiel li tiltaqa’ ma tant nies ġejjin minn ambjenti differenti ta’ pajjiżi, denominazzjonijiet nsara, etajiet differenti, u nies bi bżonnijiet differenti; il-ġmiel tal-komunita’ tal-Brothers, li kellna x-xorti li nsiru nafu mill-qrib, għaliex konna mistednin fil-kunvent tagħhom darbtejn...Brothers ta’ denominazzjonijiet nsara differenti li minkejja l-varjeta’ tal-background tagħhom isibu l-mod kif jgħixu l-ħajja komunitarja flimkien fit-talb u fix-xogħol, u huma ta’ ispirazzjoni għal tant mijiet ta’ żgħażagħ li jżuru Taize; il-ġmiel tal-mumenti ta’ talb fil-knisja...mijiet ta’ nies differenti jitolbu flimkien, il-kant sabieħ, il-lingwi differenti, il-ġesti liturġiċi u para liturġiċi sinifikattivi, u fuq kollox il-mumenti ta’ skiet profondi, fejn minkejja dawk in-nies kollha, jekk taqa’ labbra tismagħha, u l-mod kif it-talb magħmul b’mod li dawn il-mumenti ta’ skiet ikunu sinifikkattivi; u fl-aħħar, imma mhux l-inqas, il-ġmiel tal-grupp ta’ żgħażagħ agostinjani maltin li tlajt magħhom, flimkien ma’ Fr. Terence u Fr. David....li għamlu din l-esperjenza għalija waħda unika u li ma ninsa’ qatt.

 

Maria Theresa Portelli

Kieku kelli niddeskrivi l-esperjenza tiegħi f’Taize f’erba’ kelmiet ngħid li kienet waħda rikka ħafna u unika.  Din l-esperjenza għamiltha kemmxejn differenti mill-oħrajn għaliex għażilt li l-ġimgħa li għaddejt hemmhekk nagħmilha f’irtir fis-silenzju.  Kont nattendi għat-talks ta’ kuljum li wieħed mill-Brothers ta’ Taize jagħmel u nippareteċipa fit-tliet mumenti ta’ talb komunitarju li jkun hemm matul il-ġurnata.  Il-bqija tal-ġurnata kont imbagħad ngħaddiha fit-talb u l-meditazzjoni.  Il-Mulej kellimni b’diversi modi – bil-kant tal-Brothers li tant daħal f’qalbi;  bis-sbuħija tan-natura;  bis-sempliċità tal-post;  b’tant żgħażagħ miġbura minn kull naħa tad-dinja ... Kienet esperjenza ta’ Knisja Nisranija universali b’nies ta’ twemmin nisrani differenti magħqudin flimkien fit-talb, kif ried Br Roger – il-fundatur tal-Komunità ta’ Taize.  Ħadt gost ukoll li sirt naf tliet Agostinjani Maltin li ħadmu mhux ftit għalina biex din l-esperjenza tirnexxi sew.  Inħeġġeġ żgħażagħ oħra biex meta tiġihom l-opportunità li jmorru Taize jaħtfuha.  Jien ħallejt parti minn qalbi hemmhekk biex nerġa’ mmur!

 

Malcolm Saliba

Nirringrazzja lil Mulej ta’ din l-esperjenza f’Taizé!  Matul din l-esperjenza komplejt niskopri kemm il-Mulej iħobb lil kull wieħed minna b’imħabba speċjali u partikolari. Permezz ta’ din l-imħabba, wieħed malajr iħossu milqugħ ġewwa Taizé u li jagħmel parti minn kommunita waħda minkejja li lkoll ġejjin min-nazzjonijiet differenti. Din l-għaqda tinħass ħafna matul il-ħin tat-talb. Il-kant ta’ Taizé għenni biex inkompli nikber fir-relazzjoni tiegħi mal-Mulej biex b’hekk inkun nista’ niddi d-dawl tiegħu mhux biss f’Taizé imma fil-ħajja ta’ kuljum. Matul il-ġurnata kien ikollna workshops interessanti fejn wieħed ikun jista’ jaqsam l-esperjenza tal-fidi tiegħu. Din hi esperjenza unika għaliex wieħed ikompli japprezza l-fidi u jitgħallem min-nies tal-istess età li ġejjin minn kulturi differenti. Il-fidi tagħna m’għandhiex tkun meqjusa for granted imma hu l-impenn tagħna li nġedduha ta’ kuljum. Nirringrazzja wkoll lill-grupp sabiħ li fih kont parti minnu minn Malta. Konna ta’ għajnuna għal xulxin f’kull mument biex naqsmu l-ferħ u l-imħabba ta’ Alla bejnietna. Nirrakomanda din l-esperjenza għal dawk kollha li jixtiequ jikbru fil-fidi tagħhom u fir-relazzjoni tagħhom mal-Mulej.

 

Daniela Pace

They say that travel is the only thing you buy that makes you richer. Well, this was my third time in Taizé and I can honestly say that Taizé is proof of this. However, this time, I experienced something different. Taizé is also a place that allows a person to feel things deeply inside their hearts and experience a very intimate relationship with Christ. It’s that kind of relationship that, given our very hectic and busy lives, we have to really work hard for if we want to keep it alive every moment of every day. I also got the chance to appreciate so much more that everyone has his/her own story to tell and that every day is an opportunity to celebrate anyone who crosses our paths because everyone is special and unique in the eyes of God. There’s a very powerful and warm atmosphere of peace and joy in Taizé; something that I hope to carry with me every day of my life. I’m so grateful to have had this opportunity in my life and I intend to pass on the simplicity of the Taizé community wherever I go. 

 

Ma Bro Francis

 

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.