Franco Grech osa

 

Reflections and Articles written by Fr Franco Grech osa

 


 

Luke 24, 13-35

Read: The disciples from Emmaus recognised Jesus when he broke bread. What happened at that moment exemplifies the significance of the Eucharist. Straight away we notice the wonderful nature of the Eucharist.

Pray: O Lord make me always grateful for this wonderful gift given me through the Eucharist.

Reflect: How central to your life is the Eucharist? At present, due to the pandemic, we are denied receiving this gift. Do you feel a wish that time passes quickly so that you are able to start receiving again this sacrament of love?

Whilst our movements are constrained by this virus, we can participate in the Mass by following this on television or the social media without being physically present. Perhaps before the pandemic hit us, we in Malta, where it is reckoned that there are 356 churches, used to take the Mass for granted, and this may have induced us to be lax in that regard. But now that we are denied from participation in the Mass in Church, many are appreciating this much more. This is a time for reflection:

What is the difference between ‘hearing’ Mass (or in present circumstances ‘following this’ through the media) and ‘actually taking part’ in the Mass?

Can you be a Christian without celebrating the Lord’s day?

Do you not think that at times we lead a double life; on Sunday I participate in the Mass and during the week I speak ill of, or even deceive, my neighbour?

Mass ends with the words “Go in the peace of Christ”. Do you feel a responsibility after you have participated in the Eucharist?

Do: Today go through some reading material on the Eucharist so that you can recognise and always appreciate more this gift.


L-Għid: Tifsira ġdida lil dak li għaddejjin minnu

Fid-dinja kollha, fl-għodwa tal-Għid, permezz tal-Mass Media u tas-Social Media, ser titwassal l-Aħbar it-Tajba tal-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, lil miljuni ta’ nies. Din l-aħbar tal-Għid, din is-sena ser titwassal, kif ilkoll nafu, fi żmien partikulari ħafna, minħabba l-Covid-19. Dawn il-messaġġi ser jaslu lil nies li huma morda, imbeżżgħin, b’qalbhom maqtugħa, f’solitudni, magħluqin f’darhom, nies li għaddejjin minn tbatija u tħassib, minħabba li qed jaraw il-mezzi finanzjarji tagħhom sejrin lura, nies li tilfu x-xogħol jew il-post tagħhom tax-xogħol huwa inċert. Ser tasal lil ħafna nies li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, saċerdoti li jservu fl-isptarijiet, nies li jaħdmu fil-qasam tal-ordni pubblika, ġurnalisti, voluntiera ta’ diversi NGO’s li qed jagħmlu dak kollu li jistgħu f’sitwazzjoni diffiċli. Insomma wasal l-Għid u l-virus għadu magħna! U ma nafux kemm ser idum!

Il-messaġġ tal-Għid lil kulħadd huwa wieħed: Il-mewt u d-dnub ġew mirbuħa! Il-Mulej qam mill-imwiet! Alleluia Alleluia.

Dan huwa messaġġ profond ta’ barka: li kif deher fil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, l-imħabba ta’ Alla hija ikbar minn kull ħaġa oħra li nistgħu nsibu ruħna fiha, li r-rebħa tal-aħħar hija ċerta. L-aħbar it-tajba tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu ma tfissirx li ser jitwarrbu l-vulnerabbiltajiet tagħna fil-ġenb, qisu mhux ser ninkwetaw iktar. Imma issa, bir-rebħa aħħarija tal-imħabba ta’ Alla fuq kull sitwazzjoni li nsibu ruħna fiha, is-sitwazzjonijiet diffiċli tagħna jsiru parti minn storja ikbar ta’ salvazzjoni.

Fis-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann, l-enfasi hija fuq il-ftit ħin meta dehru l-ewwel indikazzjonijiet tal-Qawmien. Tliet persuni pprivileġġati jkollhom l-ewwel laqgħa ma’ realtà ta’ ġrajja ta’ sinifikat enormi.

Nibdew b’Marija ta’ Magdala, fl-Evanġelju skont San Ġwann narawha tibki ħdejn il-qabar. Imma fis-silta li naqraw f’Ħadd il-Għid filgħodu, naqraw li qabel, kienet waslet u sabet il-blata mneħħija mill-qabar. Hija, minflok daħlet fil-qabar biex tara x’ġara, marret tiġri għand Xmun Pietru u d-dixxiplu l-maħbub biex tgħidilhom: “Neħħew lill-Mulej Sidi mill-qabar, u ma nafx fejn qegħduh.”

Kienet maħkuma mid-dwejjaq u mill-biża’. Hija kienet semgħet kemm-il darba lil Ġesù jitkellem fuq li kellu jbati, imut, imbagħad iqum mill-imwiet; imma ma kinitx għadha fi stat li setgħet tifhem mill-ewwel il-kobor tal-ġrajja li kienet seħħet. Imma d-dmugħ tagħha juri l-imħabba li kellha; id-dmugħ tagħha kellu valur u tifsira. Billi kellha din l-imħabba għall-Mulej, imħabba li wriet bid-dmugħ li xerrdet, kienet malajr ħa tasal biex tifhem fil-fond dak kollu li kien ġara.

Imbagħad għandna lil Xmun Pietru u d-dixxiplu l-maħbub. Ħafna jistaqsu għaliex l-Evanġelista qagħad jidħol fid-dettall ta’ min wasal l-ewwel ħdejn il-qabar u min daħal l-ewwel fil-qabar. Waħda mit-tifsiriet li tingħata għal dan hija li d-dixxiplu l-maħbub, barra li huwa persuna, jisinifika l-imħabba: hija l-imħabba li tasal l-ewwel. U bl-imħabba li issa ssib postha, Xmun Pietru li jirrappreżenta l-Knisja, jista’ jidħol hu l-ewwel fil-qabar. Dak li kien importanti għal Pietru kien li jara l-evidenza. Imma jibqa’ dejjem il-fatt li d-dixxiplu l-maħbub, dak li l-Evanġelju jgħidilna li Ġesù kien iħobb, iħoss li hemm xi ħaġa ta’ kobor enormi li seħħet u jemmen.

Tliet persuni differenti, tliet reazzjonijiet differenti quddiem l-istess realtà. Illum skont il-lingwa tal-istatistika ngħidu li meta qed nitkellmu fuq tliet persuni, għandna sample rappreżentattiv żgħir wisq. Imma anke dan is-sample żgħir jirrifletti l-modi differenti kif in-nies jirreaġixxu għall-istess aħbar: Il-mewt u d-dnub ġew mirbuħa! Il-Mulej qam mill-imwiet! Alleluia Alleluia!

Ir-realtajiet tal-ħajja huma dawk li huma. L-aħbar glorjuża tal-Qawmien ma twarrabhomx ’l hemm minna. Imma din l-aħbar it-tajba tibqa’ tgħidilna xi ħaġa f’kull sitwazzjoni. Anke fis-sitwazzjoni li qegħdin għaddejjin minnha tal-Covid-19! Huwa fatt minn dejjem, li proprju minn dik il-għodwa tal-Għid, li ġrat ’il fuq minn elfejn sena ilu, joħroġ is-serħan tar-ras tagħna.

Ħadd u xejn ma jista’ jbiddel din ir-realtà tal-Qawmien. Realtà li hija ikbar ħafna minn kull sitwazzjoni personali jew kollettiva li nistgħu nkunu għaddejjin minnha. Hija realtà li tagħti tifsira ġdida lil kull sitwazzjoni umana. Il-mewt u d-dnub intrebħu! Il-Mulej qam mill-imwiet! Alleluia! Alleluia!

 


Ħamis ix-Xirka

Ġesù jaħsel riġlejn l-Appostli (Ġw. 13:1-15)

Qalb ta’ qaddej

Ftit ġrajjiet fil-Evanġelju juru l-karattru u l-imħabba ta’ Ġesù, hekk ċar daqs din il-ġrajja.

Ġesù kien jaf li kollox ġie mogħti lilu. Kien jaf li s-siegħa tal-umiljazzjoni kienet viċin, imma kien jaf ukoll li s-siegħa tiegħu tal-glorja kienet viċin ukoll.  Dan seta’ għamlu kburi, madanakollu minkejja li kien jaf li s-setgħa u l-glorja kienu tiegħu, huwa ħasel saqajn id-dixxipli. Fil-mument meta seta’ kien supperv, kellu l-ikbar umiltà. L-imħabba hija dejjem hekk.

Ġesù kien jaf li ġie mingħand Alla u li kien sejjer lura għand Alla. Seta’ kellu ċerta disprezz lejn il-bnedmin u lejn l-affarijiet tad-dinja. Seta’ ħaseb li issa ma kellux x’jaqsam iktar mad-dinja, għaliex kien fi triqtu lura lejn Alla. Kien proprju f’dan il-ħin li Alla kien l-iktar qrib tiegħu, li Ġesù niżel l-iktar fil-baxx biex jaqdi lill-oħrajn. Li taħsel saqajn il-mistednin kien xogħol tal-ilsir. Il-ħaġa sabiħa dwar dan kollu hija li l-viċinanza għal Alla, iktar milli firditu mill-bnedmin, ġabitu qribhom iktar minn qatt qabel. Hija verità li m’hemm ħadd li hu l-iktar qrib tal-proxxmu tiegħu minn dak li hu viċin ta’ Alla.

Ġesù kien jaf li ser ikun ittradut. Din il-ħaġa setgħet nisslet fih sentiment ta’ mibegħda; imma minflok ġagħlet il-qalbu tferra’ mħabba ikbar mis-soltu. Il-ħaġa tal-għaġeb hija li iktar ma l-bnedmin jweġġgħuh, iktar Ġesù kien iħobbhom. Hekk għadu jagħmel sal-lum.

“Xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?” (Salm 116:12)


Ħadd il-Palm

Id-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm (Mt. 21:1-11)

Dan min hu?

Nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa bid-dħul trijonfali ta’ Ġesù f’Ġerusalemm.

Din il-ġrajja turi tliet affarijiet dwar Ġesù:

  1. Ġrajja li turi kuraġġ. Ġesù kien jaf tajjeb li kien dieħel f’Belt ostili. Kienu kemm kienu entużjasti l-folol, l-awtoritajiet kienu jobogħduh u kienu ħalfu li jeħilsu minnu. Ġesù daħal Ġerusalemm u poġġa lilu nnifsu fiċ-ċentru tal-attenzjoni.
  2. Ġrajja li turi Hu min kien jgħid li hu: Il-Messija ta’ Alla, il-Midluk ta’ Alla. Kieku Ġesù kkuntenta ruħu li jsostni li hu profeta, probabbilment ma kienx imut. Imma ma kienx sodisfatt jekk mhux bl-ogħla post. Il-poplu kellu jilqgħu bħala sultan, jew ma jilqgħu xejn.
  3. Ġrajja li turi x’sejħa ried jagħmel. Huwa ma riedx li jkun sultan fuq tron; imma sultan tal-qlub. Daħal Ġerusalemm riekeb felu ta’ ħmara. Fid-dinja tagħna tal-Punent, il-ħmar huwa annimal disprezzat; imma fil-Lvant Nofsani, il-ħmar huwa meqjus bħala annimal nobbli. Kemm-il darba s-slaten kienu jirkbu fuq ħmar; imma meta kienu jagħmlu dan, kien ikun sinjal li ġew bil-paċi. Kienu jirkbu ż-żwiemel fil-gwerra. Mela meta Ġesù rikeb fuq ħmar, huwa ried juri li kien sultan ta’ paċi. Kien qed juri li kien sultan li jġib il-paċi... li ma ġiex biex jeqred imma biex iħobb; ma ġiex biex jikkundanna imma biex jgħin; ma ġiex bil-qawwa tal-armi imma bil-qawwa tal-imħabba.

Kienet l-aħħar stedina ta’ Ġesù lill-bnedmin biex jiftħu mhux il-palazzi, imma qalbhom għalih.


Il-Ħames Ħadd tar-Randan sena A - Il-ġrajja tal-qawmien ta’ Lażżru (Ġw 11, 1-45)

Ġuf, mhux iktar qabar

Ġesu’ igħid lil Martha: “Kull min igħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (v. 26). Biex nispjegaw dan irridu nqabblu l-ħajja tal-bniedem f’din id-dinja, mal-ħajja tiegħu.

L-eżistenza tagħna hija kkareterizzata minn ħruġ u dħul..noħorġu minn imkien u nidħlu fil-ġuf ta’ l-omm. Meta t-tqala ta’ l-omm tispiċċa, aħna noħorġu biex nidħlu f’din id-dinja karatterizzata minn ħafna sinjali ta’ mewt. Solitudni, abbandun, firda, tradiment, injoranza, mard u tbatija huma forom ta’ mewt. Il-ħajja tagħna qatt mhi kompleta. Hija dejjem suġġetta għall-limitazzjonijiet. Dan ma jistax ikun id-destin aħħari tagħna. Biex ngħixu ħajjitna b’mod sħiħ u mingħajr mewt, hemm bżonn li noħorġu minnha.

Ħa nissoponu li fil-ġuf ta’ l-omm hemm tewmin. Huma jistgħu jaraw, jifhmu, jikkomunikaw bejniethom waqt id-disa xhur tat-tqala. Jafu biss id-dinja żgħira tagħhom, u ma jistgħux jimmaġinaw x’hemm barra il-ġuf. Wara disa’ xhur, it-tewmin jitwieldu wieħed wara l-ieħor. U dak minnhom li jitwieled ftit sekondi wara l-ieħor u jibqa’, anke jekk għal ftit ħin, fil-ġuf ta’ l-omm, jibda' jaħseb : “Ħija miet. Mhuwiex hawn iktar” u jibki. Imma ħuħ mhux mejjet. Kull ma għamel huwa li ħalla ħajja qasira limitata u daħal f’forma ta’ ħajja oħra.

Ġesu’ jgħid lil Martha li d-dixxiplu ma jesperjenzax il-mewt, imma jitwieled għall-forma ġdida ta’ ħajja. Jidħol fid-dinja ta’ Alla, u jkun jagħmel parti minn ħajja li mhix iktar suġġetta għal-limitazzjonijiet u l-mewt, bħal ma kien fid-dinja. Fil-perspettiva nisranija, mela, il-ħajja f’din id-dinja huwa bħal proċess tat-tqala u l-mewt hija verifikata minn min jibqa’ f’din id-dinja, mhux minn dak li jmut.

“Għalkemm nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi”.

 


Ir-Randan tal-Corona Virus

Dan ir-Randan ser jibqa’ msemmi bħala ir-Randan tal-Corona Virus. Żmien li ġab ħafna inċertezzi. Qaleb il-ħajja tagħna ta’ taħt fuq. Affettwa x-xogħol tagħna, id-dħul finanzjarju tagħna, il-vjaġġi tagħna, kif ukoll ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi tagħna. U ma nafux kemm ser indumu f’din is-sitwazzjoni!

Hemm min staqsa jekk dan kollu kienx kastig ta’ Alla. Il-Lhud ta’ żmien Ġesu’ kienu jaħsbu hekk ukoll. Fil-vanġelu ta’ San Luqa (Lq 13,1-9), jissemmew żewġ ġrajjiet koroh li ġraw fi żmien Ġesu’: il-fatt ta’ meta Pilatu qatel xi Galilej waqt l-offerta tas-sagrifiċċji, u l-fatt ta’ meta waqa’ t-torri ta’ Silwaħ f’ Ġerusalem, u qatel tmintax il-ruħ. Il-Lhud kienu jaħsbu li dawn ġraw lil nies li soffrewhom għax kienu nies ħżiena. Ġesu’ jikkoreġi din il-mentalita’ u jgħid ċar u tond: "Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom .….... Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa' t-torri ta' Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta' Ġerusalemm? Le, ngħidilkom”. Imma mbagħad iżid igħid: “imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda."

Dan ifisser li għalkemm Alla ma jikkastigax lil bniedem għal ħażen tiegħu, għax iħobbu, jippermetti li l-bniedem jgħaddi minn żmien iebes, biex dan iż-żmien iservih ta’ eye-opener biex jara l-ħajja tiegħu fejn qegħda u fejn sejra.

Aħna ħafna drabi nispiċċaw aljenati...ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum mingħajr ma nindunaw liema direzzjoni qbadna. Nieħdu kollox for granted. Meta tiġi fuqna f’daqqa ċirkostanza iebsa, trawma...ċirkostanza li theżżiżna...nibdew napprezzaw iktar.

Fis-sitwazzjoni preżenti, il-Mulej jista jkun qed jgħidilna: Qumu mir-raqda tagħkom ħarsu lejn iċ-ċirkostanzi tal-ħajja u ħalluhom ikellmukom. Ma nkunux rasna ebsa għax jekk inkunu rasna iebsa nispiċċaw inkunu suppervi. Staqsi lilek innifsek:

  • Jien aljenat miż-żwieġ tiegħi
  • Jien aljenat minn familti
  • jien aljenat mill-persuna/persuni li nħobb
  • Jien aljenat minn Alla
  • Jien aljenat mill-valuri

Il-Corona Virus ġab lockdowns u kwarantini. Ħafna nies spiċċaw immobilizzati. Naqqas l-għaġla tal-pass ta’ ħajjitna. Naqqas il-ġiri minn post għall-ieħor fit-traffiku. Tana l-opportunita’ li nkunu iżjed fid-djar tagħna ma’ dawk li nħobbu, u b’hekk nerġgħu napprezzaw dawk l-affarijiet li ma kellniex ħin għalihom jew li konna neħduhom wisq for granted, per eżempju:

  • Li nitolbu flimkien bħala familja
  • Li nilgħabu, li nirrakuntaw stejjer lil xulxin jew naraw it-TV, jew xi film flimkien
  • Li naqraw xi ktieb li kollna ilna biex naqraw jew indoqqu xi strument
  • Li nagħmlu affarijiet li xi wħud minnha ma konniex nagħmlu, għax kien jagħmilhomlna ħaddieħor bħal tisjir, tindif, ħasil
  • Li nagħmlu xogħol fil-ġnien
  • Li jkollna iktar ħin għall-passatempi tagħna jew niskopru xi passatemp ġdid
  • li naqalgħu qala t-tajba d-dar u npoġġu kollox fl-ordni

.....affarijiet sempliċi li jġibuna eqreb ta’ xulxin.

Ir-Randan kien oriġinarjament irtir ta’ 40 jum għall-poplu nisrani kollu. Il-COVID-19 ġalna nnaqqsu ftit mill-ġiri tal-ħajja u nagħmlu irtir fi djarna.

Ħa nisimgħu mis-sejħa li jagħmlilna wieħed mill-qaddisin, Sant’Anselmu: “Bniedem insinifikanti, aħrab ftit minn dak li għandek tagħmel ta’ kuljum għal ftit tal-ħin, staħba għal mument mill-ħsibijiet tiegħek li ma jħallukx kwiet. Inqata mill-inkwiet li għandek u kun inqas preokkupat b’dak li għandek tagħmel. Agħmel ftit ħin għal Alla u strieħ ftit fiH”.

Ħa nieħdu ħin biex naħsbu, nitolbu u naqraw il-Bibbja. Ħa nikkunsidraw kemm hija insinifikanti l-eżistenza umana. Bl-avvanzi kollha teknoloġiċi, virus li ma jidhirx, jista jwaqqaf id-dinja kollha, u jħassar billjuni ta’ flus, u magħhom is-suppervja tagħna. U jaffettwa lil kulħadd...sinjuri u fqar.

Forsi din il-pandemija qed tgħidilna: mur lura lejn l-affarijiet bażiċi tal-ħajja:

  • lejn ir-relazzjonijiet umani bażiċi mal-membri tal-familja
  • lejn l-għaqda tiegħek ma’ Alla, dak li ħsibt li tista tinjora, imma fl-aħħar mill-aħħar l-iktar wieħed li tista sserraħ rasek fuqu. L-imħabba tiegħu ma taqta qatt. Huwa l-blata tas-salvazzjoni tagħna.

Dan il-virus jista jkun li qed jagħtina direzzjoni oħra – lejn xulxin. Ġejna bżonn xulxin u indunajna li għandna bżonn lil xulxin. Għandna bżonn il-koperazzjoni ta’ kulħadd ħalli ma tibqax tinxtered l-infezzjoni. Waqt li nieħdu ħsieb is-safety u l-bżonnijiet tagħna nfusna, ħa niftħu għajnejna għall-bżonnijiet ta’ l-oħrajn, speċjalment dawk li huma l-iktar vulnerabbli – l-anzjani, il-morda, il-fqar. Ħa nkunu ġenerużi ma dawk li ser ikunu weqfin minn xogħolhom għal żmien twil. Inkunu redikoli, nitolbu lil Alla biex jieħu ħsiebna, meta ma nkunux qegħdin nieħdu ħsieb ħaddieħor.

Jekk aħna nies ta’ fidi, nemmnu li xejn ma jiġri għal xejn – lanqas il-pandemija.

 


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.