Min hu midħla tat-talb uffiċjali tal-Knisja Kattolika, tal-brevjar, jiftakar fl-għexieren ta’ drabi li jitlissen kliem bħal tifħir, faħħar, għolli leħnek, għanni. Għadd imdaqqas ta’ Salmi huwa magħruf wkoll bħala tat-tifħir lil Alla.
It-tifsira ewlenija tal-kelma tfaħħar kienet l-għajta tal-bdiewa waqt ħidmiethom fl-għelieqi, skont il-kittieb tal-Ġrajja ta’ Ruma, Varrun, li għex u kiteb bejn is-sena 116q.K. u 27q.K. “iubilare est rustica uoce inclamare“. Skont kittieb ieħor, Sedulju (għex u kiber fl-Italja lejn l-aħħar tas-seklu 5 u kien sar Nisrani), kien dak l-għajjat jaqsamlek qalbek ta’ dawk li jkunu fuq il-qabar waqt id-difna ta’ xi ħadd għażiż. F’xi Salmi bikrin, il-kelma tfissret fil-kuntest tal-għajjat tal-poplu Lhudi wara rebħiet militari.
Wistin ta’ Ippona kien midħla tat-tifsira tal-kelma Ġublew fis-sens tagħha ta’ għanja waqt ħidma (ara Tifsira tas-Salm 32,2,1,8), imma mhux l-għaliex fil-fatt huwa kiteb dwarha bħala tali. Il-kelma Ġublew (iubilaeum) tinqara madwar 60 darba, filwaqt illi l-iubilatio (tifħir), 90 darba. Wistin iżda dejjem tħaddet dwarhom fil-kuntest liturġiku u teoloġiku u fissru bħala li t-“tifħir huwa ħoss li jfisser dak li l-qalb tixtieq tnissel iżda li għalih ma ssibx kliem“, jew aħjar, ħsejjes, jew tnehid ta’ kliem imnissla biss fil-qalb.
Wistin saħaq fuq li l-aħħar tifsira tal-kelma mhux ta’ xi skiet, iżda bħala ħsus li ma tistax tfissru bis-saħħa ta’ kliem, huwa, skontu ħoss mingħajr kliem (ara Tifsira tas-Salm 80,3); imma lanqas mhu magħmul mingħajr leħen. Hekk kiteb “fissru l-ferħ tagħkom bil-leħen, jekk ma ssibux il-kliem” (Tifsira tas-Salm 65,2). It-tifħir mhux xi ħaġa magħluqa f’sider xi ħadd, u li ma tistax tinstema’ fuq barra. Din iżda sseħħ bis-saħħa tal-milja tal-ferħ, ferħ li ma jistax jitfisser b’ħafna kliem (ara Tifsira tas-Salm 80,3); lanqas mhu xi għamla ta’ ferħ mutu, l-għaliex il-qalb ma tistax ma tfakkarx u tfaħħarx għemil Alla, u għaldaqstant, huwa “uox ineffabilis” (ara Tifsira tas-Salm 102,8).
Kulma nistgħu ngħidu dwar it-tifħir lil Alla mhuwa qatt biżżejjed, u bosta drabi lanqas m’aħna sejrin ikollna l-ħila nsibu kliem sabiex infissruh (ara Tifsira tas-Salm 88,1,16). Min ifaħħar ma jfaħħarx lilu *nnifisu, iżda lill-Ħallieq, għall-għemejjel kbar tiegħU (ara Tifsira tas-Salm 99,16). U mhux ta’ b’xejn li ma jsibx kliem adatti għal biex jagħmel dan “l-għaliex int Alla kbir u ħallieq, u inti re fuq l-allat kollha” (Salm 94,3); u għaldaqstant hu ta’ min ifaħħru u jgħollih (ara Tifsira tas-Salm 94.5).
Biżżejjed li naqraw l-ewwel ħames taqsimiet tal-ewwel ktieb tal-Istqarrijiet sabiex ikollna tifsira mill-iktar ċara ta’ dak li Wistin ried jgħid b’tifħir lil Alla, b’iubilatio. Jidher sewwa mit-Tifsira tas-Salm 65,2, kemm Wistin kellu quddiem għajnejh it-tifħir ta’ Alla mad-dinja kollha, kull fejn kienet mifruxa l-Knisja: “catholica iubilet, catholica totum tenet“. Hawn hija l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin, li hija l-art kull fejn it-talb ta’ tifħir, l-għotja ta’ tifħir, kull fejn tinġieb u titlissen “u jien noffri fit-tempju tiegħu sagrifiċċju b’għajjat ta’ ferħ (hostiam iubilationis), ngħanni u nfaħħar ’il-Mulej!” (Salm 26,6, u t-Tifsira tas-Salm 26,2,13, u ara wkoll l-Istqarrijiet 4,1). Wistin iżda jilmaħ l-istrumenti li jfissru dan it-tifħir fl-għadd ta’ dawk li jagħmlu kull knisja fid-dinja “intom id-daqq tat-tromba, l-arpa u ċ-ċetra, it-tanbur u l-kor, iż-żfin, il-kordi tal-kitarra, l-orgni u ċ-ċimbali, u li għandhom kollha jindaqqu bil-galbu, sabiex joħroġ u jinstema’ leħen wieħed (bene sonantia, quia consonantia)” (Tifsira tas-Salm 150,8).
Wistin qatt ma studja mużika, sa fejn nafu, imma dwarha kien jaf u kiteb ħafna! Kiteb saħansitra Dwar il-Mużika f’6 kotba! Huwa kiteb dwar dak li kien iħoss dwarha, u l-iktar fit-talb ta’ tifħir lil Alla. Hekk fit-tieni kapitlu tar-Regula, huwa talab lill-irħieb sabiex meta jkantaw is-Salmi, iżommu mat-test ta’ quddiemhom, u ma jivvintawx kliem ieħor, u ma jkantawx dak li ma kienx maħsub sabiex jitkanta! Talabhom ukoll sabiex meta jitolbu lil Alla bis-salmi u l-kant, il-kliem li jlissnu b’xuffejhom kellu jkun ħiereġ minn ġewwa qalbhom imħeġġa wkoll. Hekk il-leħen, in-nifs, id-dehen, l-ispirtu kif ukoll il-ġisem, kollha kellhom rwol f’għaqda sħiħa u samma tat-tnissil tal-kliem ta’ tifħir lil Alla (ara Tifsira tas-Salm 150,8). Din l-għaqda ta’ għadd ta’ ħiliet tal-leħen, għal Wistin kellha tirrifletti wkoll dik l-għaqda ta’ bejn il-membri tal-ġisem f’ħidma għalenija. Alla ma jridx li widnejh jitqarrqu (ara Tifsira tas-Salm 32,2,1,8).
Filwaqt illi fil-kuntest liturġiku, Wistin fisser il-kliem ta’ tifħir lil Alla fil-qasam taċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-Ewkaristika “ngħollu s-sagrifiċċju ta’ tifħir (hostiam iubilationis), is-sagrifiċċju ta’ ferħ (hostiam laetitiae), is-sagrifiċċju ta’ gratitudni (hostiam gratulationis), is-sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr (hostiam gratiarium actionis)” (Tifsira tas-Salm 26,2,12). Hekk, skontu, din tkun l-għotja ta’ tifħir li biha jitgħaxxaq Alla, hija wkoll tfisser il-ferħ f’Alla, dak li niżel bħala bniedem fostna. Hekk li din l-għotja titwassal “sal-istess altar tiegħu, fil-knisja mqaddsa” (Tifsira tas-Salm 26,2,12).
F’dan it-taħdit dwar tifħir lil Alla, Wistin inqeda wkoll bi kliem bħal “canere, cantare, laudare, canticum nouum“. It-tifsira ewlenija ta’ tifħir li Wistin sensel, tibqa’ iżda dik tat-Tifsira tas-Salm 32,2,1,8, hekk li minnha wieħed jislet il-fatt li Wistin dejjem kellu f’moħħu jqabbel it-tifħir li jingħata ‘l Alla hawn isfel, ma’ dak it-tifħir, fuq skala bil-wisq iktar għolja u nobbli, u li ma jeħtieġ kliem, hemm fuq.
Salvinu Caruana OSA