Tul dawn l-aħħar snin, zdied b’mod qawwi, l-għarfien tagħna nfusna. Huma ħafna ir-riċerki, l-istudji (speċjalment fil-psikoloġija u l-psikanaliżi), flimkien ma’ esperimenti u teoriji li
jgħinuna biex nifhmu aħjar min aħna, x’jkun għaddej ġo fina…mill-ġuf sa’ l-aħħar nett. Imma meta tħalli fil-ġenb dan kollu, nibqgħu aħna, weħdina magħna nfusna nippruvaw ngħixu b’dak kollu (il-baggage) li hemm fina…li meta toqgħod taħseb, mhuwiex ftit. Per ezempju:
- Fina hemm jiżfnu tant idejali u ħolm, jgħumu tant ħtiġjiet (mħabba, paċi, aċċetazzjoni) u hemm hemm ‘ħazen’ li jħajjrek ukoll!
- Fina hemm ferħ, ġenn, biki u weġgħat u l-bambin biss min kemm ngħaddu minn mumenti oħra! Drabi nkunu qisna buffi…anke jekk hawn min jgħidilha immaturita’, u drabi nkunu katavri…ħasra…is-sabiħa li din hawn min jsejħilha esperjenza! L-eta’ mhux kollox…infatti hawn tfal/żgħar diġa bil-penzjoni u hawn kbar għadhom bl-ispark f’qalbhom u f’għajnejhom! Dejjem laqtitni l-espressjoni li nsibu fil-ktieb tal-Għerf li tgħid li “iż-żmien ta’ ħajja ma jitqiesx mit-tul tal-jiem..imma hu l-għaqal li jagħmel il-vera xjuħija/kobor!”.
- Fina hemm labirinti enormi: lkoll għandna t-toys tagħna, is-sigrieti tagħna (il-passat u d-dellijiet ta’ ġo fina), il-kompensassjonijiet tagħna, l-isvogi u l-fwawar tagħna. Issib min hu beżgħan minn kollox u min irpuzat u tarah jehodha easy dwar kollox. Fl-estrem, l-ieħor hemm min il-ħin kollu jgħix f’ħitan, f’ħafna suppostijiet, moraliżmi u b’ħafna bracketing, u min bil-maqlub… kaxxa infernali…jrid jaqbez il-borders u l-parametri sterjotipati…li xi kultant vera hemm bzonn niċċalinġajawhom! (L-istatus quo li ħafna jeħlu fih!)
- Nimxu lkoll b’passi differenti: min jiġri, min jkaxakar saqajh. Min wasal diġa’ fir-raba millenju…min għadu nizel mis-siġar! Min waqa f’xi ħofra ta’ xi epoka partikolari (ċerta nostalġija tal-passat) u għadu hemm..moħħ switch off! Nivvjaġaw ħafna…għalkemm l-itwal vjaġġi jibqgħu dawk ta’ ġo fina.
- Drabi nħossuna verġni iktar minn ward ifuħ, drabi nkunu prostituti ta’ xulxin. Sirna – u din ħasra – nixtru u narmu lil xulxin bħal merkanzija. Il-famuz traingleing fil-ħajja! U l-isfreġji li vvintajna: min jgħaddi fuq tapiti ħomor taħt inkini sfurzati (l-vips), min jidħol mill-bieb kwazi ta’ wara b’mistħija! U l-istunaturi li jċaqilqu anke lil Lazzru mill-qabar..(a) min ma jafx x’se jagħmel bil-lussu..rexta/pantomina ta’ ħafna atti! u min (b) vera m’għandu xejn. Il-Papa Pawlu VI kien darba kien li dan id-divide ekonomiku għad jkun kawża ta’ gwerra tremenda fid-dinja!
- Irridu nduqu ftit minn kollox….irridu spiritwalita’ li teħlisna, fl-istess ħin it-tentazzjoni ta’ l-idolatrija qegħda hemm ukoll. Hemm il-ġlieda mal-vizzijiet u l-frugħat li qishom jgħajjtu f’widnejna..Int se twarrabna?”
- Ir-ruħ tagħna – jekk nisimgħuha sew – tibqa’ dejjem imxennqa għall-liberta’..tħossha ħafna din meta tixba mill-formalita’, mill-irbit, mir-rutina tas-soltu, mill-kompettivita’ selveġġa, minn kull ħaga li toqtlilna s-sempliċita’…ruħna trid il-varjeta’, l-ispontanjeta’, is-serħan.
- U għandna lkoll il-forma mentis tagħna (ie l-mod kif aħna magħmulin u naħsbuha), l-idejat tagħna, it-temperamenti tagħna, il-purċissjoni tal-iskużi tagħna, raġunamenti li jvarjaw minn jekk għandniex għarbiel f’idejna..niflu kollox farka farka, jew inkella komma tant wiesa li fiha il-lasktu għandu fejn jimraħ. L-istess bħalma għandna lkoll gradi ta’ passjoni differenti, ħeġġa u żelu differenti u modi kif nesprimu ruħna differenti.
Qed naqsam magħkom dawn ir-riflessjonijiet (dwar x’hemm ġo fina) fi żmien meta bdejna il-mixja tar-Randan – żmien li fih hemm stedina biex nidħlu ftit fina nfusna iktar mis-soltu u waqt li naraw fejn aħna ezattment – qisu bħal meta tagħmel ċertu stock taking – naraw x’nistgħu nwelldu fina..ħalli nkunu iktar sħaħ b’mod ħolistiku.
Il-‘lista’ li semmejt jien fil-bidu hi waħda pjuttost ġenerali…huma affarijiet li nħoss jien ukoll u li nara f’nies oħra meta niltaqa magħhom. Mhix lista ‘morali’..fis-sens ta’ x’inhu tajjeb jew le..imma huma mumenti/esperjenzi li ngħixuhom lkoll. Jien dejjem emmint li hu bihom (mhux mingħajrhom) inħobbu lil Alla u nistgħu nibqgħu niċċelebraw il-ħajja. Forsi li nagħmlu matul is-snin, hu li nirfinaw jew nidraw ngħixu b’dak kollu li jkun hemm fina, b’tali mod li nistgħu ngħixu b’ċerta’ serenita’ wkoll.
Xtaqt ngħaqqad dawn il-ħsibijiet/esperjenzi ma’ xi nies li għexu qabilna u li nsibuhom fl-Iskrittura. U nixtieq nagħmel dan bi skop preċiz biex min qed jaqra din il-kitba…jagħmel kuraġġ hu/hi wkoll. Dan qed ngħidu, għax spiss niltaqa ma persuni li jaqtgħu qalbhom mill-baggage li jkun hemm fihom. Li m’għandux jkun il-kaz…għax bħalma waslu dawn in-nies u Alla emmen fihom ukoll…allura għalina l-orizzont..m’għandux jaqtalna qalbna.
Meta nħossuna hekk – iġifieri li ma niswew xejn , jew li m’aħnies ‘tajba’, jew li Alla m’għandux bzonni – tajjeb li niftakru li bħalma naqraw fl-Iskrittura:
- Noe’ darba spiċċa xurban.
- Abraham kien xiħ wisq.
- Izakk kien jħobb joħlom.
- Ġakobb kien giddieb.
- Leah kienet kerha.
- Ġuzeppi spiċċa abbuzat.
- Mose’ kien itemtem.
- Gideon kien bezziegħ.
- Sansun kellu xagħru twil u kien jiġġenen wara n-nisa.
- Raħab kienet prostituta.
- Ġeremija u Timotju kienu żgħar.
- David kellu relazzjoni ħażina ma’ mara u kien qattiel.
- Ġona pprova jaħrab minn Alla.
- Ġob spiċċa fallut.
- Ġwanni l-Battista kien stramb u jiekol l-insetti.
- Marta kienet tinkwieta ħafna fuq l-affarijiet materjali.
- Is-Samaritana kellha bosta rġiel.
- Zakkew kien qsajjar u korrott.
- Pawlu kien fundamentalista.
- U Lazzru kien mejjet!
Issa dawn huma biss xi wħud! L-argument hu, li lil hin minn dak li kienu, jew kif x’għamlu jew kif kienu jaraw lilhom nfushom….xorta jibqa’ l-fatt li Alla għażel lil dawn kollha… ma beżax jafdalhom missjoni u ma qatax qalbu mid-djufijiet tagħhom .L-istess kif mhux se jaqta qalbu minna!
L-istedina ta’ indiema – fis-sens li kuljum nippruvaw inisru bnedmin ġodda – li tant nisimgħu biha f’dawn iz-zminijiet ma tfissirx biss ċaħda u swied il-qalb imma..liberta’ u ferħ. Tibda billi naraw lilna nfusna kif tassew aħna u nħallu lil Alla jkompli l-mixja ta’ fejqan fina. F’dan is-sens, il-konverzjoni mhix xi għajta ta’ impozzizjoni minn barra…. minn hi qabel xejn, aħbar tajba minn ġewwa. Nifhmu dan…naħseb nkunu skoprejna sigriet kbir.
Dan l-artiklu nkiteb meta Fr. Ray Francalanza osa
kien Kappillan fil-Parrocċa Santu Wistin il-Belt Valletta.