Ilħna jgħajjtu biex joħorġu !

  • Intfajt nikteb dawn il-ħsibijiet jumejn wara li miet Ashih Tekliab Haile. Ashih kellu 32 sena u kien mill-Eritrea. Miet meta intefa l-baħar biex isalva turist franċiż..imma

    mbagħad il-baħar qawwi bela’ lilu! Apprezajt li l-media tat prominenza lil dan l-eroj..anke biex bħal inpattu ftit ta’ kemm nies bħal dawn ġieli qisnihom ‘problema’..apparti l-kliem li għadna ngħidulhom ..’immigranti’, ‘suwed’, ‘klandestini’…u ninsew li dawn huma nies bħalna! Milli ntqal fuqu…ħarġu dettalji sbieħ mmens: kien diġa’ għen lil sħabu żmien ilu meta ma setgħux jkomplu bil-vjaġġ tagħhom lejn Malta minħabba kumplikazzjoni li kellhom fil-baħar ukoll; kien bniedem bieżel ħafna u kien imur tajjeb ma’ kulħadd, kien għadu kif iżżewweġ ukoll u l-ħolma tiegħu kienet li iktar ‘il quddiem imorru jgħixu l-Ġermanija. Tekliab Ashih – miet kif għex – jingħata għal ħaddiehor.

Qalb il-ħafna ‘aħbarijiet’ lokali u internazzjonali, qalb l-għaġġla u r-rutina tas-soltu f’ħajjitna stess (kulħadd mehdi wisq bid-dinja u t-toys tiegħu!). ħafna drabi fatti…jew aħjar nies hekk… faċli jintesew. Iva..niddejalizzawhom għal ftit..imma mbagħad wara ftit ‘aħbar’ ġdida tnessina mill-ewwel x’jkun ġara ftit ilu biss! L-agħar, imma – naħseb jien – hu meta mumenti hekk ftit inħalluhom jmissuna/jkellmuna minn ġewwa.

Fl-Iskrittura, fil-ktieb tal-Għerf (4, 7) hemm silta li dejjem laqtitni. Tgħid hekk: “Il-bniedem tajjeb, ukoll jekk imut qabel iż-żmien isib il-mistrieħ. Iż-żmien ta’ ħajja mimlija foħrija ma jitqiesx mit-tul tal-jiem, anqas in-numru tas-snin mhu l-qjies veru tal-ħajja.” Erġajt ħsibt fiha dalgħodu jien u naħseb f’Ashih li miet hu biex salva ieħor. Min jaf jekk laħaqx ħaseb għalih stess qabel ma ntefa l-baħar? Ma naħsibx…għalih jidher li kienet l-iktar ħaġa naturali li kellu jagħmel..bla ma qagħad ikejjel konsegwenzi oħra.

Ħajtu u mewtu…illum jkellmuna b’mod qawwi ħafna. Ma nafx jagħmluniex skomdi..u jekk iva…j’Alla! Għandna wisq loppji, aljenazzjonijiet u distrazzjonijiet. Sirna faċli – nilagħbu għal gallerija – u mimlijin wisq bi kliem u b’affarijiet oħra. Ma nafx min minna qed jgħix realment tassew?

Jien bosta drabi naqbad lili nnifsi nħares madwari – anke ġo fija wkoll – u ninduna kemm minkejja l-ħafna modi li għandna biex ‘minn barra’ nidhru li għadna tajbin…għaddejjin; minn ġewwa, qisna wisq mitfija, għajjiena u ż-żlieġa fl-għajnejn fost affarijiet oħra… faċli tikxef dan. Ħafna drabi nwaħħlu f’ħaddiehor u fil-ħajja inġenerali t-tort għall-istat li ninsabu fih illum, u mhux dejjem nindunaw jekk jistax ikun il-kaz li ħafna affarijiet huma sintomatiċi ta’ x’hemm fil-ġewwieni tagħna stess.

Ashih għex u miet żgħażugħ. Iż-żgħożija li qed insemmi hawn mhux it-tappa loġika ta’ żvilupp bejn it-tfulija u l-maturità, imma ċertu atitudni fl-ispirtu tagħna li tiżguralna li nkunu qed ngħixu tassew il-ħajja b’mod sħiħ…irrispettivament minn x’eta’ għandna. Għandha wkoll x’taqsam mal-prijoritajiet tagħna u ma x’enfasi qed nitfgħu f’ħajjitna.

Jien ili snin twal inħoss ħafna ‘ilħna’ jbaqbqu fija. Naqsamhom magħkom hekk kif jinsabu fija…b’tama li l-‘mewġ tal-ħajja’ ma jiblax il-vera ħajja fina. Tibqa’ żagħżugħ…jigifieri tibqa’ tgħix…għandu x’jaqsam:

  • Mal-fantasija u mal-enerġija.
  • Mal-innoċenza u mal-idejali.
  • Mal-ħolm u mad-danza fil-qalb.
  • Mat-tama u mal-providenza (l-abbundanza ta’ Alla) u tal-ħajja.
  • Mal-umilita’ u l-kuraġġ.
  • Ma’ trasformazzjoni tiegħek stess l-ewwel u mbagħad ta’ l-ambjent ta’ madwarek.
  • Mas-sustanza u mal-ġwienaħ.
  • Mal-iskandu lill-‘qawwija’.
  • Mal-misteru u ma’ l-istagħġib.
  • Ma’ dak li hu intwizzjoni.
  • Ma’ dak li jqanqal u jmiss il-ġewwieni tiegħek.
  • Ma’ dak li hu kritiku, iżjed esiġenti u iżjed awtentiku.
  • Mal-anzjetà, mad-dubju u mal-ferħ.
  • Mas-solitudni tar-ruħ.
  • Mal-verità li teħles.
  • Ma’ sensibilità speċ
  • Ma’ problemi ta’ kuxjenza.
  • Ma profezija u ma sogru.
  • Ma’ li tkun erojku u miġnun.
  • Ma’ dak li mhux fariżajku u ipokrita’..tgħid affarijiet lil ħaddiehor li int taf li b’nemes ma tagħmilx!
  • Ma’ mumenti fejn ma tifhimx dak li jkun qed iseħħ fik u ġieli ma tinftiehemx lanqas minn oħrajn.
  • Ma’ veritajiet skomdi.
  • Mal-għana fil-qalb.
  • Ma’ nuqqas ta’ idoli u kulti. (u allura n-nuqqas tal-ħafna suriet ta’ inċensar tagħna).
  • Ma’ dak li hu spontanju u ħaj.
  • Ma’ dak li mhux ġifa, jew immexxi mill-biża’ (il-prudenza u d-diplomazija – id-double speak tagħna).
  • Ma’ fedeltà lejn kelma (Vanġelu) li hi sempliċiment moqrija u mhux imfissra.
  • Ma’ dak li hu immaġinattiv u bla pressjoni.
  • Ma’ dak li mhux teknika, dardir, ipokrezija, gidba, vizzju, ingann u superfiċjalità.
  • Mal-ġlieda perpetwa kontra l-medjokrità u kontra ċ-ċertezzi, l-loġika u l-isterjotipar ffriżat tagħna.
  • Ma’ silenzju u ma kliem. Xi kultant hemm bżonn li tuża l-kliem u ‘tagħmel il-ħsejjes’.
  • Ma’ preżent u ġejjieni li fih ħadd minnu ma hu l-prototip oriġinali.
  • Ma’ vulnerabilita’ u ma’ biki fit-triq tat-tfittxija tiegħek stess u matul il-mixja diffiċli tal-fidi.
  • Ma’ futur li ħadd minna ma jaf, ħadd ma jista jissiġilla anke għax ma jinsabx hawn. (Is-saltna ta’ Alla)
  • Mal-għarfien li aħna lkoll nomadi, lkoll refuġjati.
  • Mal-għarfien li f’din il-ħajja, aħna lkoll studenti u li l-għalliem hu biss wieħed: Hu – Alla.

Lura għas-silta mill-Ktieb tal-Għerf li semmejt fil-bidu..u lejn il-memorja ta’ Ashih Tekliab Haile. Ashih ‘mhux mejjet’. F’ħajtu tħabat biex jgħix hu u jgħajjex oħrajn miegħu. J’Alla dawn l-ilħna li ppruvajt naqsam magħkom – ilhom wisq jgħajjtu biex jinstemgħu – jgħinu lilna lkoll biex niskopru l-milja vera tal-ħajja. Ashih skopriha għax intefa’ hu…biex ħaddiehor jista’ jgħix.

Dan l-artiklu nkiteb meta Fr. Ray Francalanza osa
kien Kappillan fil-Parrocċa Santu Wistin il-Belt Valletta.

 

Scroll to Top