Esperjenza Vokazzjonali - Terence Spiteri

Fra Terence Spiteri għandu 25 sena u ġej mill-parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fi Fleur-de-Lys. Huwa iben Joe u Carmen u huwa l-kbir fost tliet aħwa, Liam u Roslianne u huwa

ukoll in-neputi ta’ Fr. Martin Micallef osa. Terence Irċieva l-edukazzjoni primarja u sekondarja fil-Kulleġġ Santu Wistin, Pieta’. Imbagħad kompla l-istudji tiegħu fil-Junior College Msida. Kien involut fl-attivita’ parrokjali, fosthom kien abbati u kien jagħti daqqa t’id fiċ-Ċentru Familja Karmelitana.

Kif bdiet fik is-sejħa għall-ħajja reliġjuża Agostinjana?

Meta nħares lura ma nħossx li kien hemm mument partikolari li fih nista’ ngħid li kien il-bidu tas-sejħa tiegħi għaliex nemmen li l-Mulej kien qiegħed isejjaħli bid-diversi esperejenzi li kelli. Pero waħda mill-esperjenzi li nħoss li kienet importanti fis-sejħa għall-ħajja reliġjuża Agostinjana hija l-laqgħat tal-vokazzjonijiet flimkien mal-live-ins li kienu jsiru. Meta kont nattendi għal-laqgħat kont nħoss xi ħaġa li tiġbidni lejn il-ħajja u iktar tard il-kariżma Agostinjana. Bil-mod il-mod niftakar li imbagħad kont anke involut bħala leader fl-attivitajiet tal-vokazzjonijiet u għalhekk kelli anke l-opportunita’ li niltaqa’ mar-reliġjużi li kienu involuti dak iż-żmien. Minn hemm imbagħad bdejt nagħmel xi esperjenzi fil-kunvent tar-Rabat sakemm fl-aħħar kont għamilt esperjenza fit-tul ta’ tliet xhur u fil-weekends kont immur id-dar. Wara dan iż-żmien imbagħad kont iddeċidejt li nibda l-prenovizzjat fl-10 t’Ottubru 2005. Matul l-esperjenzi li kont nagħmel kont inħoss li qalbi kienet qegħda tistrieħ u l-kariżma agostinjana kont inħossha li qegħda tagħmel parti minni dejjem aktar.

Kif tħares lejn il-ħajja tiegħek bħala saċerdot?

Nista’ niddeskrivi l-ħajja tiegħi bħala saċerdot bil-frażi li għażilt bħala motto għas-saċerdozju tiegħi: “ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda Kristu jgħix fija.” (Gal 2,20). Din hija frażi li minn dejjem kienet tolqotni u nixtieq li tkun il-programm ta’ ħajti għaliex nemmen li s-saċerdozju ministerjali li rċevejt mhux xi ħaġa li stajt nagħmilha jien iżda Kristu kompla jidħol fija, u ċert li ser ikompli jaħdem permezz tiegħi. Din ser tkun ukoll it-talba tiegħi ta’ kuljum għaliex naf li mhux faċli li kuljum inħalli lil Kristu jaħdem fija mal-aħwa fil-komunita’ u mal-persuni kollha li ser ilaqqagħni magħhom il-Mulej, għaliex id-dgħufija hija parti minni u għalhekk għandi bżonn nimtela bih kuljum. Is-servizz tiegħi lejn il-Knisja huwa l-offerta li jien nista’ nagħti permezz tas-saċerdozju tiegħi li żgur ser jieħu forom u esperjenzi differenti.

Bħalissa tinsab Ruma għal żmien ta’ studju. Tista’ taqsam magħna l-esperjenza tiegħek f’Ruma?

Matul din is-sena kont qiegħed ngħix fil-Kulleġġ internazzjonali Santa Monika f’Ruma biex nagħmel il-liċenzjat fit-Teoloġija Bibblika fl-Universita’ Pontifiċja tal-Gregorjana. Kienet sena li fiha stajt nibda nduq is-sabiħ tal-approfondiment fl-istudju tal-Bibbja anke jekk fil-bidu kienet ftit diffiċli għaliex il-lingwi tal-Grieg u l-Ebrajk ma kienux faċli biex nitħarreġ sew fihom, pero nemmen li dan l-isforz kollu li qiegħed nagħmel huwa ta’ ġid mhux għalija biss imma ukoll għas-servizz tal-Ordni u l-Provinċja għaliex b’dan il-mod inkun nista’ naqdi aħjar lil Knisja fil-pastorali tiegħi. Barra mill-istudju, matul din is-sena kont nagħmel xi servizz pastorali bħala djaknu fosthom fil-parroċċa tagħna fil-Vatikan f’Sant’Anna fejn kont immur kull nhar ta’ Sibt wara nofsinhar biex nagħti l-lezzjonijiet tal-katekiżmu lit-tfal li kien jgħixu fil-Vatikan stess jew anke fl-inħawi tal-parroċċa, esperjenza li sfidatni sabiex nagħraf dejjem inkun qrib it-tfal anke jekk kienu jkunu biss 3, imma kont inħoss li huma kellhom dritt li jieħdu l-aħjar preparazzjoni minni. Impenn ieħor li ħadt kien li kull nhar ta’ Ħadd kont immur fil-Knisja ta’ San Patrizju immexxija mill-Patrijiet Agostinjani Irlandiżi u kont nagħmel l-omelija fil-quddiesa tal-11.30am bit-taljan. Dawn l-esperjenzi u oħrajn magħhom, komplew jgħinuni niskopri iktar kemm hu sabiħ li tingħata għall-oħrajn. Ma nistax ma nsemmix ukoll l-esperjenza internazzjonali li għixt kemm fil-komunita’ kif ukoll ma’ sħabi li magħhom studjajt fl-Universita’, esperjenza li kompliet tiftaħni għal kariżmi u kulturi differenti. Dan kollu grazzi għal dawk kollha li żammew kuntatt miegħi u komplew jagħtuni s-sapport tagħhom kemm b’emails kif ukoll b’SMSs.

The online HTML and CSS cleaner will take care of your dirty markup. They are free online tools.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.