Fost l-affarijiet li nħobb, hemm tlieta żgur:

  • Inħobb il-mixi - apparti biex sa 70 nibqa’ tajjebJ...hu mod kif tiżvojta moħħok mir-rutina. Fejn twelidt jien (iħ-Żejtun) kien hemm ħafna raba’ u forsi b’xi mod għadni nimmissja din... in-natura. Ilum Malta kollha saret kważi ġungla ta’ konkrit, u biex tkompli żżid, fejn għext f’dawn is-snin ta’ saċerdozju ftit kien hemm raba’..l-iktar l-iktar il-baħar (bħall-Belt Valletta mad-dawra). Hu sabiħ nibżgħu għal-ġmiel tan-natura u kemm nistgħu nterrqu fiha...fiha wieħed jista’ jiltaqa’ anke ma’ Alla. Jien lili tgħini nikkontempla ġieli...iktar minn meta nkun ġo knisja!

  • Inħobb il-muzika - tgħollilek l-ispirtu tiegħek, tmissek minn ġewwa. Sabiħa iktar meta fiha m’hemmx kliem/lirika..għax nkella trid toqgħod tħabbel moħħok biex tifhem u tagħti każ il-kliem. Il-mużika hi dejjem ġentili - mhiex teknika, ma’ tinvadix ħajtek b’ħafna kliem u teoriji li bihom nħoss li aħna vgati! (Dan sar l-veru stupru/rape llum! Kemm għandna kliem...u xejn ġdid!) Il-mużika tagħmlek poeta minn ġewwa, tagħmlek bniedem innamrat, timlik b’passjoni. Meta kont indoqq - kont inħossni ktar f’armonija miegħi nnifsi, u meta ġieli kkomponejt xi ħaġa żgħira - tħossok artist żgħir!

  • Inħobb il-films - meta jkolli ħin u nsib xi film tajjeb, nara li ma nitilfux. Il-films huma l-iktar ħaġa li jnessuni l-kumplament tal-affarijiet li nkun qed nagħmel...allura għalija jkun l-aħjar break. Prattikament jogħġbuni il-films kollha, barra tal-vjolenza u dawk li trid toqgħod tħabbel rasek jew li l-konkluzjoni tkun xi anticlimax papali (aqta kemm ingerger fija!)...imma nħobb l-iktar dawk tal-mitoloġija. Fil-films dejjem jaffixinawk kif minn script miktub jizvillupawh f’film, il-mużika li jqabblu għalih, l-effetti! Ikun hemm films li jkollhom ħafna esaġerazzjonijiet... imma nieħu gost xorta...jgħinuk tibqa’ toħlom...tħares ‘il fuq! Imma l-isbaħ films huma dawk li issa saru jġibuhom 3D u bl-effett tan-nuċċali li jtuk...letteralment tidħol fihom (bil-konsegwenzi kollha) u tħoss li dak il-ħin, int tkun qiegħed hemm u tgħixhom int ukoll.


Jekk tridu - u mingħajr ma nonqos mir-rispett...sempliċiment biex nifthemu - aħna meta naqraw l-Iskrittura, meta ngħixu l-liturġija sewwa u anke meta nfakkru ċerti festi (bħal l-Għid jew Milied jew oħrajn)...aħna nkunu qisna qed nilbsu dan in-nuċċali tad-3D..nidħlu fil-ġrajja/fil-mument u mhux biss naqilgħuhom mill-passat u nġibuhom fil-preżent...imma jerġgħu jieħdu l-ħajja...u nidħlu fihom aħna stess. Veru hemm ir-riskju/tentazzjoni li meta noħorġu minn ġol-knisja – jiġrilna bħal meta noħorġu mill-film, tneħħi n-nuċċali u terġa lura għal ħajja ‘normali’ (ma ngħidx reali għax għandi dubju x’inhu veru jew le)...imma xorta għandna bzonnhom dawn il-mumenti..u bħal film tajjeb...issa nitlobkom biex niffukaw.

U niffukaw - għax fil-ġrajjiet tal-Passjoni u tal-Għid - mhux qed nitkellmu minn xi film virtwali..imma qed nitkellmu minn narrattiva oriġinali li għadha sseħħ....ngħiduluha ‘narrativa’ ... għax għadha tinkiteb, għada tivvibra u tant għandha qawwa speċjali/divina li kif darba qal Ġesù – ‘din il-kitba seħħet illum..intom u tisimgħu’.

Ilbsu ftit in-nuċċali - b’mod metaforiku - u ejjew nidħlu fil-ġrajja..ġrajja li kważi titbewwes man-natura ukoll..għax nibdewha f’xitwa qalila (randan) u imbagħad ngħixu żmien l-Għid, f’rebbiegħa fejn kollox qed jerġa jitwieled mil-ġdid:

  • Nibdew bl-esperjenza ta’ Ġesù fid-deżert u bit-tentazzjonijiet li għadda minnhom. Ara kemm hi vera din: kemm ġieli ngħaddu minn dezerti f’ħajjitna – nħossuna flat, grey, niexfa. U t-tentazzjonijiet..mhux vera wkoll?: kemm ġliedet inħossu fina ‘l ħin kollu: suppervja, rabja, għira, tpattija, biża, l-egoiżmu u l-addictions kollha tagħna. Toqgħod taħseb...dawn huma l-vera blat li rridu nkissru u l-vera oqbra (li jsemmi t-test tal-vanġeli) li jżommuna midfunin fihom.

  • Ngħixu fl-aħħar ġimgħa mbagħad, l-aħħar mumenti ta’ Ġesù – minn Ħadd il-Palm sal-bieraħ – u nindunaw li anke dawn..veri wkoll u kollha għadhom iseħħu...u fihom kollha hemm aħna – meta nħossuna weħdina, Ġuda – tradiment, Pilatu, proċessi giddieb..imma wkoll l-ikla tal-qadi (Ħamis ix-Xirka) u l-kwiet (s-silenzju/ix-‘xejn’) tal-Ġimgħa l-Kbira.

Sakemm wasalna s’issa. Il-ġrajja ma spiċċatx mal-mewt. Tagħha ma kienitx l-aħħar kelma. Dak li kien mejjet – QAM. Interessanti kif intemm il-vanġelu li qrajna f’dak il-jum.. “ħarġu l-barra u tbiegħdu b’ġirja waħda mill-qabar għax kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellħin bil-biża’.” Għedt – interessanti – għax fil-verżjoni oriġinali dan hu l-aħħar vers tal-vanġelu ta’ San Mark.

Jista’ jiġrilna hekk aħna wkoll..qisu spiċċa l-film u mmorru lura għal ħajja normali mingħajr xejn ma jkun missna...jew inkella, anke jekk abbli hawn bħalissa nħossu ċerta fidi...kif noħorġu ngħidu... “lura għan-normal” ..u nkunu qsamna l-fidi mill-ħajja ta’ kuljum..li tafu kemm ġieli tista’ tiġrilna..jew nkella nkunu dejjem disconnected, ngħixuha b’mod frammentat.

Ir-rakkonti bibliċi jfakkruna f’dak li diġa’ nafu – imma ġieli ninsew. (a) Il-ġebla hi mneħħija, (b) il-faxex mal-art, (c) dak li kien ‘qalb il-mejtin’... hu ħaj!

Fiż-żmien ta’ wara l-Għid, imbagħad.... faċli jiġrilna bħan-nies li għexu l-ewwel ġrajja: (a) Nistgħu nkunu anzjużi bħal Marija ta’ Magdala tfittex lil Ġesù (kemm għandna anzjetajiet fil-ħajja..jgħidu li sirna wisq distratti!). (b) Jista jiġrilna bħall-appostli li meta semgħu l-verżjoni tan-nisa tar-rakkont ħasbuh thewdin u ma emmnuhomx. (c) Jista’ jiġrilna bħad-dixxipli ta’ Emmaws li meta ltaqa’ magħhom fit-triq (kif jiltaqa magħna fl-istorja tagħna wkoll kuljum) ħasbuh barrani. Nkunu bħalhom meta kif hu indikat fit-test “għajnejna jkunu tqal biex nemmnu”...u nħossuna bla tama u direzzjoni.

Lura għal ġrajja..li qed terġa isseħħ issa...anke fina f’dan l-ħin li qed taqraw! L-ikbar stedina - issa - hi biex NEMMNU..jalla nibqgħu vera nemmnu! Il-fidi mhix banali – mhix assurda – mhix loppju – mhix artifiċjali – (lanqas kultura jew xi ħaġa mekkanika biex nkunu għedna kollox). Temmen tfisser TITTAMA – Tħares lejh – lejn dak li ġew ifittxuħ ..u ma sabuhx għax qam.

Ejja nisimgħu issa id-domanda tal-anġlu aħna wkoll: Lil min qegħdin tfittxu?

  • Abbli f’qalbna nafu..imma moħħna mal-ewwel jerġa jitlaq..... Jerġa jitlaq għax it-tentazjoni hi li (a) nerġgħu niftakru fil-faxex li għandna (tgħid inħallew kollha ngħidu?), li (b) se nibqgħu skjavi ta’ ħafna mir-rabtiet li għandna, li (c) għada se jerġgħu joħorġu xi skeletru ġdid mill-armadju, li (d) ma jirnexxilnix nirbħu kollox u li (e) nafu għada stess nerġgħu mmorru għal our old self tagħna. Forsi għalhekk l-ikbar sfida – hi li nemmnu fil-qawmien tagħna..dawk ta’ kuljum!

Imma...

Jkellimna HU: Il-ħaruf ġwejjed - li minkejja li jaf bil-qalb iebsa tagħna, ma jridnix nitgerfxu.

Jkellimna HU: in-nar ġdid - li jrid jerġa jixgħel ħajjitna (il-ġamar tagħna)

Jkellimna HU: il-misteru – li anke jekk ma narawx bl-għajnejn...nafu li hu magħna..hawn, illum, dejjem.

Jkellimna HU: l-irxuxtat – li bil-qawmien tiegħu jrid jeħlisna tassew:

  • Jeħlisna minn kull ma jifgana – from all that traps us.

  • Jeħlisna mill-biża li nħobbu u li ningħataw.

  • Jeħlisna li nemmnu fil-worth/il-valur tagħna..li m’għandux x’jaqsam max-xogħol li nagħmlu.

  • Jeħlisna mix-xewqa ta’ vendetta/tpattija għal min weġġana.

  • Jeħlisna mill-bżonn li ngħixu f’gidba/nilbsu maskri.

  • Jeħlisna mill-ghetto li fih għalaqna it-tifel/tifla żgħira fina.

  • Jeħlisna mill-mekkaniżmi infantili tagħna - l-blackmails, is-silenzji, il-gdiedem, it-taparsi uġieħ ta’ ras.

  • Jeħlisna mill-anzjetà u mill-biża tal-futur u tal-mewt. (Mhux is-snin tat-twelid u tal-mewt fl-oqbra..imma kif tgħix fl-in between)

  • Jeħlisna minn sens ta’ ħtija qattiel jew ta’ falliment.

  • Jeħlisna mill-preġudizzji, mill-isterjotipar, mill-għamad qattiel, mill-parrokkjaliżmu, mill-partiġjaniżmu, mix-xeħħa, min dak li hu kattiv, mid-dlam tagħna li abbli nkunu drajna ngħixu fih.

  • L-Għid …jagħmilna nies li nistgħu nużaw l-affarijiet mingħajr ma nħalluhom jassruna, nagħmluha man-nies mingħajr ma nużawhom, ingawdu kollox bla ma ninsew lilU. Fi ftit kliem…hu possibli …tgħix mod iehor!


Illum nifhem għalfejn Santu Wistin darba qal li “aħna nies tal-Hallelujah”.

Bħalma llum nifhem iktar li l-Għid.... fil-verita’ ....hu TAMA.

  • Tama - li naf li jien ġejt maħfur, li l-ħtija tiegħi marret.

  • Tama - li naf li hemm futur, li hemm ħajja wara l-mewt.

  • Tama - li naf li hu għandu pjanijiet, anke meta jien ma nifimhomx.

  • Tama - li naf li hemm imħabba, li hemm Alla, li jien maħbub minnu u li jiġri x’jiġri...hu jimpurtah.



Jalla nibqgħu nfittxuh (fil-ktieb tiegħu De Trinitate hemm mument fejn Santu Wistin jgħid hekk: “Fittex…biex tiskopri; skopri…imma mbagħad ibqa’ fittex!”) ....u l-iktar... jalla nibqgħu nnamrati miegħu...għax meta l-qalb u l-ispirtu jinnamraw...nsibu lill-maħbub: Lilu – lil Ġesu’ ta’ Nazaret. Dan biss hu meħtieġ. Amen.


Dan l-artiklu nkiteb meta Fr. Ray Francalanza osa
kien Kappillan fil-Parrocċa Santu Wistin il-Belt Valletta.

 

There are no articles in this category. If subcategories display on this page, they may have articles.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.