Santu Wistin u l-Afrika ta’ Fuq

minn Patri Pierre Desira, Agostinjan

Jista’ jkun li t-titlu jissorprendik u jiġik li tistaqsi, imma x’jgħaqqad lil Santu Wistin mal-Afrika ta’ Fuq? It-tweġiba hi sew sempliċi kif ukoll komplessa. Hi sempliċi għax Santu Wistin hu

Afrikan, fis-sens li twieled, għex u miet fl-Afrika ta’ Fuq, u din taf tkun ta’ sorpriża għal ħafna. Iżda jekk nippruvaw nifhmu x’rabta hemm illum bejn Santu Wistin u l-art li għex fiha sekli ilu, it-tweġiba ssir komplessa, u kif!

Ħa nibda mit-tweġiba bis-sempliċi. Għedt li Santu Wistin għex sekli ilu. Fil-fatt hu għex fir-raba’ u l-ħames seklu, għalhekk fi żmien l-Imperu Ruman. Twieled fis-sena 354, nhar it-13 ta’ Novembru, f’belt żgħira jisimha Tagaste, fil-provinċja tan-Numidja. Mis-sena 396 sat-28 ta’Awwissu 430, jum id-dħul tiegħu fis-sema, SantuWistin kien l-isqof tal-belt ta’ Ippona, ukoll fin-Numidja. Imma inutli li nfittxu dawn l-ismijiet f’atlas modern, għax illum, dawn il-postijiet għandhom ismijiet oħra. Dik li kienet il-provinċja tan-Numidja llum tagħmel parti mill-Alġerija, wieħed mill-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, reġjun li jinsab f’dak li llum hu l-Lvant tal-Alġerija, fruntiera mat-Tuneżija, bejn wieħed u ieħor madwar sagħtejn bogħod bl-ajru minn Malta. Il-belt ta’ Tagaste llum jisimha Souk Ahras, li bil-Malti tfisser Suq tal-Iljuni, xhieda li kien hemm żmien li f’dan il-post kienu jbigħu l-iljuni. Il-belt ta’ Ippona, illum fdalijiet arkeoloġiċi, tinsab ftit ’il bogħod mill-belt ta’ Annaba. Santu Wistin għex ukoll f’Kartaġni, ftit ’il bogħod minn Tunis, il-belt kapitali tat-Tuneżija. F’Kartaġni ż-żagħżugħ Wistin kien mar jistudja, u kien reġa’ żarha kemm-il darba meta kien isqof.

Fil-bidla tal-ismijiet dawn il-postijiet hi miġbura storja ta’ 1600 sena, li minn żmien Santu Wistin twassal sa żmienna, u li tiġbor tant ġrajjiet li għadda minnhom ir-reġjun tal-Afrika ta’ Fuq, li minn żmien l-Imperu Ruman jeħduna għaż-żmien Biżantin, ikomplu biż-żmien Għarbi, iktar riċenti dan ir-reġjun kien maqsum f’kolonji tal-pajjiżi Ewropej, sakemm ħadu l-indipendenza tagħhom bejn is-snin 50 u 60 tas-seklu għoxrin. Hu hawn fejn nibdew nintebħu bil-komplessità tar-rabta ta’ Santu Wistin mal-Afrika ta’ Fuq. Il-popolarità u l-konoxxenza ta’ Santu Wistin fost il-popli tal-Afrika ta’ Fuq żdiedet jew naqset hekk kif il-preżenza tal-Insara fir-reġjun żdiedet jew naqset.

Fi żmien Santu Wistin kienu ħafna l-Insara tal-Afrika ta’ Fuq. Filwaqt li, ftit snin qabel l-Imperu kien jippersegwita lill-Insara, fi żmien Santu Wistin l-Insara mhux talli li ma kinux ippersegwitati iżda kienu element importanti tas-soċjetà. Huma kkontribwew sew għall-ġid temporali kif ukoll dak spiritwali ta’ dik is-soċjetà. Kien żmien li matulu l-Imperu kellu diffikultà, partikolarment fil-provinċji periferiċi, fosthom dawk tal-Afrika ta’ Fuq, li jsib persuni ta’ integrità u rettitudni sabiex imexxu b’ġustizzja. Jekk qabel, l-Imperu kien isib fil-familji patrizji l-qawwa morali tiegħu, fir-raba’ u l-ħames seklu, kien jeħtieġ ukoll l-involviment ta’ mexxejja Nsara, b’mod partikulari tal-isqfijiet. Kien għalhekk li l-Imperu kien jirrikonoxxi l-isqfijiet Insara sew bħala mexxejja reliġjużi kif ukoll bħala persuni denji li jkunu imħallfin fil-belt tagħhom. Fil-fatt Santu Wistin kien wieħed minn dawn l-isqfijiet li kien ukoll imħallef imperjali.

L-għejun ta’ informazzjoni dwar dan il-perjodu huma prinċipalment tnejn: il-kitbiet u l-fdalijiet arkeoloġiċi. Hi xorti kbira għalina li huma bosta mill-kitbiet ta’ dan il-perjodu li waslu sa żmienna; kitbiet imperjali u sekulari, kif ukoll kitbiet ta’ awturi nsara, fosthom Santu Wistin. Il-fdalijiet arkeoloġiċi, min-naħa tagħhom joffrulna idea viżiva ta’ kif kienu dawn l-ibliet u l-irħulu fl-Afrika ta’ Fuq ta’ żminijiet Rumani. Filwaqt li l-kitbiet insibuhom fil-biblijoteki u llum ukoll fuq l-internet, il-fdalijiet arkeoloġiċi nsibuhom fid-diversi siti arkeoloġiċi mxerrda mal-Afrika ta’ Fuq. Ħasra li bosta minn dawn is-siti huma mitluqa jew jinsabu f’inħawi li mhux dejjem possibli li wieħed iżurhom.

Għalhekk il-lum nistgħu niltaqgħu ma’ Santu Wistin l-Afrikan fil-kitbiet tiegħu jew billi nżuru l-postijiet li fihom għex. Mill-kitbiet tiegħu nitgħallmu ħafna dwar il-ħajja fl-Afrika ta’ Fuq ta’ żmienu, u b’mod partikulari dwar il-ħajja tal-insara f’dak iż-żmien. F’ċertu sens hemm xebh bejn kif kienu jgħixu l-insara ta’ dak iż-żmien u llum. Bħal fi żmienna l-insara kellhom l-identità tagħhom, iżda wkoll kienu jiġu influwenzati minn kurrenti ta’ żmienhom li mhux dejjem kienu ta’ ispirazzjoni nisranija. Bħalna kienu jafu jgħixu u jgawdu l-ħajja. Bħal fi żmienna, u iktar minn żmienna, kien hemm il-problema tal-faqar; iżda kien hemm wkoll insara sinjuri, u għalhekk fil-prietki tiegħu Santu Wistin kien iħeġġeġ lill-Insara sabiex jagħrfu jagħmlu użu tajjeb mill-ġid li kellhom, ma jkunux skjavi tiegħu iżda minflok jagħmlu użu tajjeb minnu u għalhekk anke jgħinu lill-foqra. Minn dawn il-kitbiet joħorġu wkoll aspetti Afrikani tal-ħsieb ta’ Santu Wistin.

Min-naħa tagħhom is-siti arkeoloġiċi wkoll joffrulna l-possibiltà li naraw u nżuru l-Afrika ta’ Fuq ta’ żmien Santu Wistin. Fil-fatt hu possibbli nżuru Madawra (fl-Alġerija) u Kartaġni (fit-Tuneżija) l-ibliet li fihom studja, u Ippona (fl-Alġerija), il-belt li tagħha kien isqof, u li fiha għex fil-monasteru mwaqqaf minnu. F’Ippona wieħed għadu jista’ jara l-fdalijiet tal-bażilika li fiha kien iqaddes u jipprietka Santu Wistin, kif ukoll il-battisterju li fih kien għammed min jaf kemm-il nisrani.

Għalhekk ir-rabta bejn Santu Wistin u l-Afrika ta’ Fuq taf il-bidu tagħha fil-fatt storiku li hu twieled u għex f’dan ir-reġjun. Iżda ma waqfitx hemm. Hi kompliet tintiseġ mal-medda tas-sekli, tant li hi strumentali sabiex nifhmu aħjar lil Santu Wistin. F’dan is-sens ir-rabta bejn Santu Wistin u l-Afrika ta’ Fuq hi dejjem attwali.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.