IS-SENA TAL-ĦNIENA - IS-SENA TAL-KAPPELLA TAL-MILLENNJU

minn P. Hilary Tagliaferro osa

Il-Papa Franġisku fetaħ is-sena tal-Ħniena fit-8 ta’ Diċembru 2015, fl-istess ġurnata li l-Millennium Chapel kienet qed tfakkar il-15-il sena mit-twaqqif tagħha. Bħala Agostinjani, li din

is-sena qed jiċċelebraw il-200 sena mit-twaqqif tal-Provinċja f’Malta, ilhom preżenti f’Paceville-San Ġiljan minn qabel l-aħħar Gwerra Dinjija, il-Kappella ma setgħetx ma tkunx mibnija fuq is-sisien tat-tagħlim ta’ Santu Wistin, li kien mhux biss ġenju fil-Knisja imma fuq kollox ragħaj li ta ħajtu għall-knisja fl-Afrika ta’ Fuq. 

Waħda mill-affarijiet li jolqtuk kif tidħol fil-Kappella f’Paceville, barra l-atmosfera ta’ paċi u sliem, huma l-ħafna kwotazzjonijiet minn qaddisin, filosofi u benefatturi tal-umanità li hemm madwar il-kappella u li kull min jidħol ma jistax ma jiqafx jaqra u jirrifletti fuqhom. Fihom forza spiritwali u umana qawwija.

Fost dawn il-kwotazzjonijiet ma tistax tonqos dik ta’ S.Wistin li tgħid :

X’inhi l-imħabba?

Għandha l-idejn biex tgħin lill-oħrajn.

Għandha s-saqajn biex tħaffef lejn il-fqir u min hu fil-bżonn.

Għandha l-għajnejn biex tara l-miżerja u l-għaks. Għandha l-widnejn biex tisma’ l-krib u l-biki tan-nies.

Dik hi l-imħabba!

Il-famuż cartoon Peanuts jgħid: “I love all humanity; it’s people I hate.”

Din hija distinzjoni important għax, tistaqsi lil min tistaqsi, kulħadd jgħidlek li jrid u jixtieq iħobb lil kulħadd, imma ħadd ma jrid iħammeġ idejh, jagħti l-ħin tiegħu, jisma’ d-dwejjaq ta’ ħaddieħor u jdaħħal idejh fil-but.

Fuq kollox kif xi ħadd jirfsilna xi kallu mhux faċli li taħfirlu u tħobbu!

 

Mhux billi tgħid li tħobb lil kulħadd: x’inti tagħmel biex tgħin verament, biex tisma’ d-dwejjaq ta’ ħaddieħor u tgħin lil min hu fil-bżonn?

Numru ta’ persuni Maltin għażlu li jidħlu għal din l-isfida nisranija billi applikaw biex ikunu “Welcomers” - voluntiera fil-Kappella/Wow biex iqassmu boroż tal-ikel u ħwejjeġ lill-persuni u familji fil-bżonn; ikunu kunsilliera kwalifikati u professjonali ħa jagħtu servizz b’xejn lil dawk li għandhom problema fir-relazzjoni tagħhom, jew huma mkissra bid-droga, xorb u logħob tal-ażżard, u jagħmlu kull xogħol ieħor li jista’ jinqala’. Dawn kollha flimkien ma’ numru ta’ refuġjati jħabbtu l-bieb tal-kappella għall-għajnuna u għalkemm mhux possibbli li ssolvi l-problemi ta’ kulħadd imma fil-Kappella dejjem issib lil xi ħadd li jisimgħek u jħenn għalik.

Fuq kollox bis-saħħa ta’ ġemellaġġ li għandha l-Kappella mas-Sorijiet tal-Monasteru ta’ Santa Kjara għandna talb kontinwament għaddej għal kull min jitlob l-għajnuna u jsiru siegħa adorazzjoni kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar u fl-aħħar ġimgħa ta’ kull xahar li għaliha jattendu ħafna mill-voluntiera.

Il-Kappella għandha wkoll ġemellaġġ ieħor mal-Youth Football Association għaliex temmen ħafna fil-valuri tal-isports għall-iżvilupp u l-formazzjoni fil-karattru taż-żgħażagħ.

Dan juri li l-Kappella mhix miftuħa biss biex tieħu ħsieb il-bżonnijiet kollha tar-ruħ imma wkoll tal-ġisem għaliex Alla ħalaq il-bniedem sħiħ bir-ruħ u l-ġisem.

Iż-żgħożija ta’ S.Wistin dejjem kienet viċin “il-high society” – medja alta tas-soċjetà ta’ żmienu imma wara l-konverżjoni tiegħu u bl-influwenza li ħalla fuqu Sant’Ambroġ f’Milan, resaq ħafna lejn il-fqir mingħajr ma ħalla s-sinjur. Kienu jmorru jisimgħuh għal sigħat sħaħ kull kategorija ta’ nies u meta kien jara fuq quddiem ħafna sinjuri kien jindirizzahom direttament u jgħidilhom :

 “Nitlob għalikom biex tkomplu tkabbru t-teżori tagħkom, mhux biex tgawdu intom biss iżjed imma biex ikolkom minn fejn tagħtu lill-fqar.”

 

U meta bħala Isqof kien ukoll l-imħallef tal-Provinċja kellu dejjem ħniena u “soft spot” għal min kien dgħajjef u fqir. L-għażla preferenzjali tal-fqar kien jagħmilha sew u kostantement fid-dawl tal-ħajja ġdida li issa kien ħaddan.

Il-ħajja tiegħu ta’ ragħaj kienet kollha kemm hi dedikata għall-poplu. Kien għażel li jgħix fil-faqar u fil-ħajja komuni mal-ħbieb fejn kien jaqsam dak kollu li kellu bħal kull membru tal-komunità tiegħu u kulħadd jieħu kemm ikollu bżonn. Daħal fl-ispirtu tal-faqar u għalhekk li kien sensittiv għal min kien fil-bżonn.

Waqt li din is-sena l-Millennium Chapel qed tiċċelebra il-15-il sena mit-twaqqif tagħha, ippubblikat ktieb mill-isbaħ ta’ Peter Calamatta jismu “Maltese Plants in the Bible” li jitratta b’dettalji kbar fuq il-pjanti li kienu jikbru fl-Art Imqaddsa fi żmien Ġesù u li għadhom jikbru hawn Malta. Mal-kwotazzjoni mill-Bibbja fejn jissemmew dawn il-pjanti mediterranji, bħaż-żebbuġa, ir-rummien, it-tin u oħrajn hemm mhux biss ritratt sabiħ tal-pjanta meħud hawn Malta llum imma wkoll kumment fuq l-istorja tagħha.

Fl-aħħar ta’ dan il-ktieb il-Professur Richard England fuq talba tal-Millennium Chapel Foundation ippreżenta pjanti u disinn ta’ ġnien żgħir bibliku ta’ meditazzjoni, fuq l-istil ta’ ħajja monastika li ried jgħix Santu Wistin.

Il-ġnien dejjem lagħab parti importanti fil-pjan ta’ ħajja għall-bniedem mhux biss fil-ħolqien u l-ewwel esperjenza ta’ Adam u Eva fil-Ġnien tal-Eden imma f’kull okkażjoni ta’ komunikazzjoni Alla ħafna drabi tkellem mal-bniedem fil-ġnien. Ma ninsewx ukoll l-importanza fil-ħajja ta’ Gesù fil-ġnien tal-Ġetsemani.

S.Wistin kellu wkoll l-akbar żewġ esperjenzi tal-konverżjoni tiegħu fil-ġnien:

CASICIACO

Il-ħabib ta’ S. Wistin , Verekundu kellu villa f’Casiciaco – barra Milan, fi Brianza u fil-ġnien ta’ din il-Villa, Wistin kien ilaqqa’ l-ħbieb tieghu , fosthom Verekundu stess għal dak li sejħilha “Christianae vitae otium” –(għażż nisrani!) fejn jitolbu , jiddiskutu u jimmeditaw flimkien il-Kelma ta’ Alla u fejn ukoll kellu l-esperjenza tal-konverżjoni li jsemmi fl-Istqarrijiet tiegħu.

Baqgħu famużi d-diskussjonijiet profondi spiritwali u teoloġiċi li kellhom dawn il-ħbieb flimkien ma’ S.Wistin. Imma l-ġnien ta’ Casiciaco kien strument u pass qawwi għall-konverżjoni ta’ S.Wistin lejn il-Fidi Nisranija.

Wara l-mewt ta’ Ommu Monika f’Ostia Tiberina, S.Wistin raġa’ lura lejn art twelidu l-Afrika ta’ Fuq, issa bniedem determinat li s-sejħa tiegħu ta’ Nisrani jgħixha fir-responsabbiltajiet tagħha kollha. Kienet sejħa radikali li biddlet ħajtu.

HIPPO

Wistin ma kienx jaf jgħix mingħajr il-ħbieb. Dak li kien għamel mal-ħbieb f”Casiciaco bi tħejjija għall-konverżjoni tiegħu issa, wara l-magħmudija minn Ambroġ f’Milan, ried jagħmlu f’pajjiżu stess.

Bena komunità ta’ ħbieb fi ġnien ta’ fejn kien joqgħod f’Hippo – Ippona, fejn kienu jgħixu bħal aħwa, jaqsmu l-ġid u dak li jaqilgħu flimkien, jieħdu ħsieb il-fqar u r-romol, u jitolbu flimkien.

Kiteb regola li saret ukoll ir-regola ta’ ħafna monasteri li aktar tard fl-Ewropa u fid-dinja riedu jgħixu dan l-istil ta’ ħajja, u li għadha r-regola tal-Ordni Agostinjan u ħafna Ordnijiet reliġjużi fil-Knisja llum.

Dalwaqt jibda l-bini ta’ ġnien fuq il-bjut tal-WOW bl-istess ismijiet ta’ Casiciaco u Hippo biex dawk li jixtiequ jimmeditaw aktar fil-kwiet il-Kelma ta’ Alla jsibu ambjent u atmosfera ideali. Se jkun hemm erbgħin pjanta Maltija li tissemma fil-Kotba Mqaddsa u ma’ kull pjanta jkun hemm ukoll il-kwotazzjoni rilevanti. Se tkun atmosfera rilassanti għall-aħħar li tista’ ddaħħal lil dawk li jidħlu għaliha f’esperjenza mistika fid-dawl tal-Kelma ta’Alla.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.