Liema ragħaj?

the_shepherd__s_call_by_benheine-d4aro8vJiena r-ragħaj it-tajjeb (Ġw 10:11)

Illum f’Malta ma tantx għandna naraw ix-xena ta’ ragħaj jirgħa n-nagħaġ, biss żgur li ma kienx il-każ fi żmien Ġesu’, għax flimkien mas-sajd u l-biedja, dan kien xogħol komuni ħafna. F’dan il-Ħadd iddedikat għall-vokazzjonijiet, il-knisja tippreżentalna lil Ġesu’ bħala r-ragħaj li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu biex dawn isalvaw.

‘F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni’ – Fl-ewwel qari nisbu din l-affermazzjoni qawwija li jagħmel San Pietru meta mimli bl-Ispirtu s-Santu jwieġeb lill-kapijiet tal-poplu u lix-xjuħ. Pietru jxandar lill-Kristu bħala s-salvatur tal-bniedmin minkejja li jien jaf li qiegħed jipperikola ħajtu. Din turina l-konvinzjoni li huwa kellu. Qiegħed nemmen li f’Ġesu’ biss hemm is-salvazzjoni meta imbagħad f’ħajti nqiegħed it-tama tiegħi f’ħafna affarijiet u naħli ħafna enerġija żejda f’affarijijet li ma jwassluni imkien?

L-istess idea tidher fil-paragun li jagħmel Ġesu’ bejn ir-ragħaj it-tajjeb li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu u r-ragħaj mikri li jaħrab meta jiġu l-problemi. Liema ragħaj ħa nagħżel fil-ħajja tiegħi? Ħa nagħżel li jmexxini Ġesu’ jew ħa jmexxini l-partit, l-ideat ta’ moħħi, l-passjonijiet tiegħi, l-karririżmu sfrenat etċ… li imbagħad meta iffaċjat mil-‘lupu’ nsib ruħi waħdi? Għas-salmista l-għażla hija ċara, ‘Aħjar tiskenn fil-Mulej milli tittama fil-bnedmin’. Jien x’ħa nagħmel?

‘jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi’Din il-frażi turina kemm aħna għeżież għall-Mulej. M’aħniex numri imma lilna jafna. Ġesu’ jimpurtah minna. Kemm drabi naħsbu li ħalliena, abbandunana jew għalaq widnejh għat-talb tagħna. Minkejja kollox Ġesu’ jkun hemm preżenti f’nies li jfittxu li jgħinuna u f’sitwazzjonijiet oħra f’ħajjitna.

Ejjew ma naqtgħux qalbna u nkunu u nibqagħu nagħmlu parti minn din l-merħla, li għalkemm tista tgħaddi minn wied mudlam, moħħha mistrieħ li r-ragħaj tagħha mhux ħa jħallina weħidha.

Andrea Naudi

Leave a Comment

Scroll to Top