It-tielet Ħadd tal-Avvent iġib miegħu bidla fil-kulur li jintuża fil-liturġija. Is-saċerdot jiċċelebra il-quddies bil-kulur roża minfolk bil-vjola. Dan għaliex f’ nofs din il-mixja li aħna bħala nsara qegħdin nagħmlu f’dan l-avvent biex dejjem iżjed ninbidlu għall-aħjar, il-knisja tħeġġiġna biex nifirħu bil-miġja ta’ Kristu fostna.
L-ewwel parti tal-ewwel qari tikseb l-importanza tagħha fil-fatt li Ġesu’ fis-sinagoga ta’ Nazaret jaqra din il-parti mill-profeta Isaija u jagħmilha tiegħU. Kristu jgħid, ‘Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu’. Kristu sar bniedem biex iġibilna messaġġ ta’ ferħ u ta’ tama f’ħajja li ma tispiċċa qatt. ‘Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej għax libbisni bi lbies is-salvazzjoni’. San Pawl fit-tieni qari ukoll iħeġġiġna biex nifirħu dejjem u niżżu ħajr lil Alla f’kollox. Din hija t-trademark tagħna l-insara. Hija l-ferħ li jigi mit-tama li aħna ma mmutu qatt u ħa ngħixu għal dejjem f’kuntentizza liema bħalha. Dan għandu jkun li lilna jimmotivana biex nagħżlu li nimxu wara Ġesu’. Għaliex dan il-ferħ mhuwiex bħal ferħ li tagħti d-dinja? Dan għaliex il-ferħ li tagħti id-dinja għandu expiry date qasira wisq, minn ftit sigħat sa massimu ta’ ftit ġranet, ħaga li ilkoll kemm aħna esperjenzajna.
Kemm-il darba konna anzjużi biex nixtru xi ħaġa li togħġobna jew li nilħqu xi tragward personali fil-ħajja. Naħsbu li dan huwa l-quċċata tal-muntanja u li meta niksbu dan l-oġġett ħa nkunu f’serenita’ u paċi. Sfortunatament r-riżultat dejjem ikun li nieħdu pjaċir għal ftit ħin u wara nerġgħu nibdew nippruvaw nimlew il-vojt ta’ qalbna b’oġġett ieħor. Kuntrarju għall-ferħ materjali, il-ferħ li jagħtina Kristu huwa ferħ li jibqa, ferħ li jissupera kull diffikultà, mhux għax ikollna ħajja bla problemi imma għax jinbidel il-mod kif inti tħares lejhom u dan għax imsaħħin minn tama qawwija f’ħajja ta’ hena bla tmiem.
Patri Raniero Cantalmessa jgħid li jekk irridu l-ferħ veru ma nistgħux nifirdu t-tbatija mill-ferħ. Irridu ngħaqduhom flimkien. Il-ferħ li joffrilna Kristu huwa bħal ta’ dik il-mara li qed tistenna tarbija. Għalkemm hi għadha ma laħqitx il-milja tal-ferħ tagħha għax it-tarbija għadha ma twelditx, hija xorta qiegħda tgħix ferħana minkejja t-tbatijiet li ġġib magħha t-tqala u dan il-ferħ jiġi mill-fatt li hi qed tistenna l-milja tal-ferħ.
Tkun ħasra għalina li minkejja li aħna mdawrin b’tant tagħlim, ma niskoprux li Ġesu’ ġie biex iġibilna l-ferħ fil-ħajja tagħna. Nkunu qed nirriskjaw li Ġesu’ jkun għalina xi ħadd li qed jipproponilna set ta’ regolamenti biex jassarna, xi ħadd li mhux prattiku, xi ħadd li ma jifhimx it-tbatijiet li ngħaddu minnhom, xi ħadd għassa għalina biex jara jekk niżbaljawx u ħafna iktar perċezzjonijiet żbaljati.
Ejjew ilkoll flimkien imsaħħin imma mill-qari ta’ dan it-tielet Ħadd tal-Avvent, ninżlu fil-fond tar-relazzjoni tagħna ma’ Ġesu’ u nagħmlu l-esperjenza tiegħU billi nħalluħ jibnilna ħajjitna fuq l-prinċipji tiegħU.
Andrea Naudi