għeneb ħelu jew qares?

grapes_625x350_61443376353

Din il-parabbola tirrakkonta fil-qosor l-istorja tas-salvazzjoni li hi storja ta’ mħabba min-naħa ta’ Alla imma kien hemm reżistenzi min-naħa tal-mexxejja tal-poplu t’Alla li qatlu lill-profeti u l-messaġġiera ta’ Alla, saħansitra lil Ibnu li miet barra s-swar tal-belt ta’ Ġerusalemm.

Aħna llum l-poplu t’Alla. Aħna li naħdmu l-għalqa tad-dwieli. Huwa jistenna li jkun hemm il-frott, u l-frott li jibqa’. Il-mistoqsija li nistaqsu lilna nfusna

  • Kif qegħdin nagħmlu dan?
  • Kemm aħna aħjar mill-Qassisin il-Kbar, ix-Xjuħ tal-Poplu, mill-Iskribi u mill-Fariżej?

Permezz tal-magħmudija tagħna aħna msejjħin biex naħdmu fil-għalqa tal-Mulej. Ninġabru kull ġimgħa biex nisimgħu l-messaġġ tal-Evanġelju, u biex nagħmluh parti mill-ħajja tagħna. Aħna msejjħa biex inkunu membri, membri attivi tal-Ġisem ta’ Krisu, tal-komunità Nisranija u tal-Knisja.

  • Kif naraw din is-sejħa? Bħala privileġġ, bħala barka jew bħala tagħbija kbira? Kif qegħdin nirċevuh il-messaġġ tal-Mulej?

Matul is-snin kien hemm diversi martri u ħafna drabi kienu l-insara stess li wasslu għal martirju u mhux il-pagani. Dan naraw ukoll fi żmienna bil-persekuzzjoni sottili.

Nistgħu naraw li dan ma jagħmilx parti minna personalment. Imma nistaqsu, x’għeneb bħala komunità qegħdin nipproduċu? Huwa ħelu jew qares? Il-komunità hija sinjal rejali tal-preżenza t’Alla u tal-imħabba fis-soċjetà tagħna? X’impatt qegħdin inħallu?

Il-komunità tagħna hija l-għalqa tad-dwieli. Ma għandix tipproduċi għeneb qares li ħadd ma għandu jieklu. Nkunu miftuħin għad-diversi modi li Alla jitkellem, kemm jekk il-persuni huma fil-Knisja u kemm permezz ta’ vuċijiet profetiċi li ħafna drabi tkun diffiċli għalina li nisimgġuhom. Alla jibgħatilna l-messaġġiera l-ħin kollu. Imma kif qegħdin nilqgħuhom?  Jista’ jkun hemm it-tentazzjoni li ningħalqu fina nfussna u ma naffaċjawx l-isfidi li għandha s-soċjetà. Meta jiġri hekk niggranfaw mal-passat, mal-antiki, ma’ kif kienu jsiru l-affarijiet, ma’ reżisteni tal-bidliet. Nies li jipproponi bidliet li huma importanti fis-soċjetà jsibu ħafna drabi reżistenza – ara meta l-Papa jitkellem fuq li l-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru tal-ekonomija u mhux il-flus.

Huwa ħafna faċli għalina f’ċertu żminijiet li ma nirrikonoxxux l-vuċi t’Alla fil-messaġiera li jibgħatilna, bħalma l-awtoritajiet Lhud fi żmien Ġesù fallew milli jirrikonoxxu l-Kelma t’Alla f’Ġesù. Il-Kardinal Newman darba qal: “To live is to change; and to be pefect is to have changed often”.

Li kieku l-Knisja tagħlaq, x’differenza reali ser tinħass? Ovjament dawk li jiġu jħossu d-differenza, imma dawk li qatt ma daħlu, ser iħossuha? X’impatt qegħdin inħallu? Inkejjlu mill-bini tal-Knisja jew minn dak li jiġri? It-tnejn importanti, imma ma jistax ikollok waħda mingħajr l-oħra.

fr. David Cortis osa

Leave a Comment

Scroll to Top