Fuq naħa għandna FIRDA:
Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkonta din il-ġrajja, il-firda aħħarija tal-Mulej Ġesù minn mad-dixxipli u minn din id-dinja.
Fuq naħa oħra: MANDAT/MISSJONI
- L-evanġelju ta’ San Mattew jippreżentalna l-mandat li Ġesù ta lid-dixxipli: l-istedina biex imorru, jitilqu, sew f’arthom kif ukoll f’artijiet oħra, u jxandru lill-ġnus kollha il-messaġġ tiegħu tas-salvazzjoni.
“Morru” jew aħjar “ITILQU” jsiru l-kliem ċentrali tal-festa tal-lum: Ġesù jitlaq lejn il-Missier (Nikkontemplaw l-umanità tagħna, għall-ewwel darba tidħol fis-sema.),
u
jordna lid-dixxipli biex jitilqu lejn id-dinja. Fit-Tlugħ fis-Sema ta’ Ġesù, l-Imsallab Irxuxtat, hemm il-wegħda li aħna għad nieħdu sehem mill-milja tal-ħajja fil-preżenza t’Alla.
Ġesù jitlaq, jitla’ lejn is-sema, jiġifieri jmur lura għand Missieru li minnu kien intbagħat fid-dinja. Għamel xogħolu, u għalhekk imur lura għand il-Missier. Imma din mhijiex separazzjoni, għax Hu jibqa’ magħna għal dejjem, taħt forma oħra. Bit-tlugħ tiegħu fis-sema, il-Mulej imqajjem jiġbed il-ħarsa tal-Appostli – u anke l-ħarsa tagħna – lejn is-smewwiet biex jurina li l-waqfa aħħarija tal-mixja tagħna huwa l-Missier. Hu stess kien qal li se jitlaq biex imur jippreparalna post fis-sema.
Madanakollu, Ġesù JIBQA’ PREŻENTI u JAĦDEM fil-ġrajjiet tal-istorja tal-bniedem permezz tal-qawwa u d-doni tal-Ispirtu tiegħu; hu jinsab qrib ta’ kull wieħed minna: anke jekk ma narawhx b’għajnejna, Hu hemm qiegħed! Jimxi magħna, imexxina, jaqbdilna jdejna u jqajjimna meta naqgħu.
- Kristu rxoxt jinsab qrib l-Insara persegwitati u diskriminati; jinsab qrib ta’ kull raġel u mara li qed ibatu. Jinsab qrib tagħna lkoll, anke llum jinsab hawn magħna fil-pjazza; il-Mulja jinsab magħna!
- Ġesù jinsab preżenti anke permezz tal-Knisja, li huwa bagħtha fid-dinja kollha biex itawwal il-missjoni tiegħu. L-aħħar kelma ta’ Ġesù lid-dixxipli hija l-ordni biex jitilqu: “Morru għalhekk kullimkien u għamlu dixxipli mill-popli kollha”
Huwa mandat ċar, mhux għażla!
Il-komunità nisranija hija komunità “ħierġa”, “se titlaq”. Aktar minn hekk: il-Knisja twieldet indirizzata lejn il-ħruġ.
Lid-dixxipli missjunarji tiegħu Ġesù jgħid: “Jien magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (v. 20). Waħdena, mingħajr Ġesù, ma nistgħu nagħmlu xejn! Fil-ħidma appostolika mhux biżżejjed il-qawwa tagħna, ir-riżorsi tagħna, l-istrutturi tagħna, għalkemm dawn kollha huma neċessarji. Mingħajr il-preżenza tal-Mulej u mingħajr il-qawwa tal-Ispritu tiegħu, xogħolna, għalkemm ikun organizzat tajjeb, ma jħalllix frott. Għalhekk, ejjew immoru ngħidu lin-nies min hu Ġesù.
Ix-xhieda li ta’ kull nhar ta’ Ħadd għandha toħroġ mill-knejjes tagħna biex, matul il-ġimgħa, tidħol fid-djar, fl-uffiċċini, fl-iskola, fil-postijiet fejn jiltaqgħu n-nies u tad-divertiment, fl-isptarijiet, fil-ħabsijiet, fid-djar tal-anzjani, fil-postijiet miżgħuda bl-immigranti, fil-periferiji tal-belt….. Din hi x-xhieda li aħna għandna nwasslu ta’ kull ġimgħa: Kristu qiegħed magħna; Ġesù tela’ s-sema, jinsab magħna; Kristu hu ħaj!
Ġesù żgurana li f’din it-tħabbira u f’din ix-xhieda aħna inkunu mlibbsin bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Hawn jinsab is-sigriet ta’ din il-missjoni: il-preżenza fostna tal-Mulej tagħna rxuxtat, li bid-don tal-Ispirtu s-Santu jkompli jiftħilna moħħna u qalbna biex inħabbru l-imħabba tiegħu u ħnientu anki fl-ambjenti l-aktar reżistenti tal-bliet tagħna.
fr. David Cortis osa