ejja…

trust

Żewġ ‘heroes’

Elija jaħrab minn sitwazzjoni diffiċli, ir-reġina Ġeżabel riedet toqtlu għax hu kien qatel lil profeti li kienu qegħdin imorru kontra t-tagħlim tal-Mulej, dawk li jissejħu Baal… sitwazzjoni partikolari għax hu beda jħossu importanti u li qiegħed jirnexxielu, fuq kollox qiegħed jagħmel dak li kien qallu l-Mulej biex jerġa’ jiġbed lil poplu wara t-tagħlim tiegħu u mhux wara dawn il-profeti foloz…ħass ukoll   li m’għandux bżonn l-għajnuna tal-Mulej. Ħassu hero!

Il-Mulej jinqeda propju b’din is-sitwazzjoni diffiċli biex jiltaqa’ miegħu… infatti ħin minnhom ftit qabel il-qari li qrajna llum Elija jkun ser jaqta’ qalbu u jgħidlu ħudli ħajti Mulej, biżżejjed…

Għar  – twelid u mewt

L-għar fil-Bibbja u fl-istorja jirrappreżenta it-twelid u l-mewt… naraw minn Kristu stess> l-għar ta’ Betlem u l-għar jew il-qabar ta’ Kristu li kien forma ta’ għar fl-aħħar mill-aħħar. Elija f’din ix-xena jgħix it-twelid u l-mewt… mewt tas-suppervja tiegħu u t-twelid mill-ġdid għax il-Mulej jerġa jkellmu u jurih lilu nnifsu.

Aħna kemm-il darba konna fl-għerien fil-ħajja tagħna imma nistaqsu ftit bqajna fl-għerien tal-biża, tal-mewt jew inkella ħriġna mill-għerien u komplejna nintelqu f’idejn il-Mulej?

Żiffa ħelwa

Kuntrast kbir mar-riħ qawwi u t-terremoti… Elija kien jaħseb li Alla huwa dak li jista’ kollox, dak li jaħraq u jkisser kollox, super hero imma fil-verita’ Alla ma kienx f’dawn l-elementi imma fuq kollox kien fiż-żiffa ħelwa… fil-ħajja tagħna kif nirraġunaw mal-Mulej, kif naħsbu li hu Alla fil-ħajja tagħna? Żiffa ħelwa jew riħ u terremot? Kif ngħixu l-preżenza tal-Mulej fil-ħajja tagħna? Fl-affarijiet iż-żgħar jew nippruvaw nagħmlu ħafna daqq ta’ trombi? Iż-żiffa tfisser ukoll li l-Mulej qiegħed diġà fil-qalb tagħna, qiegħed diġà fina, imma forsi xi kultant nistennewh fl-affarijiet il-kbar?

Baħar – Fl-Evanġelju S. Mattew ma jixtieqx jurina l-miraklu fih innifsu imma fuq kollox biex joħroġ min hu Kristu, u d-dgħufija tad-dixxipli. Il-baħar imqalleb nassoċjawh mal-maltemp, nqabbluh mal-inkwiet u d-diffikultajiet fil-ħajja tagħna u l-istess ħaġa fil-Bibbja. Il-baħar ifakkarna fil-mumenti fejn bżajna u ħassejna li l-Mulej insiena, il-Mulej qiegħed ‘il bogħod imma imbagħad tlabna l-għajnuna lil Mulej fid-diffikultajiet li ltqajna magħhom fil-ħajja tagħna u lkoll nafu li bl-għajnuna tiegĦu biss nistgħu noħorġu minnhom.

Pietru fil-Vanġelu jiddubita min hu Kristu u jipprova jistaqsih biex jara jekk hux il-Mulej… il-Mulej min-naħa l-oħra jwieġbu u jgħidlu ‘ejja’… imma dik l-‘ejja’ fil-verita’ hija biss stedina biex joħroġ minnu nnifsu, mill-biżgħat, stedina biex iħares biss lejn wiċċ Kristu għax hu biss jista’ jagħtina t-tama u l-fiduċja. Imma Pietru ftit wara beda jiddubita u reġa’ tilef il-fidi… il-fidi tad-dixxipli fl-Evanġelju ta’ S. Mattew hija batuta ħafna… “nies ta’ fidi żgħira..” qabel il-passjoni Kristu jistedinhom biex jitolbu miegħu u jorqdu…

Id-domanda li Ġesu’ jagħmel lil Pietru qiegħed jagħmilha lilna ukoll “Bniedem ta’ fidi żgħira għaliex iddubitajt…” – ftit qabel iżda lid-dixxipli qalilhom “Jien hu, tibżgħu xejn..”

fr. Terence Spiteri osa

Leave a Comment

Scroll to Top