Mulej Ġesu’, agħtini qalb mimlija paċi…

o lord give us peace, for you have given us everything you promised

San Gwann minn Sahagun

“Missier, ma tafx tagħlaq ħalqek! Sur duka, għalfejn nitla’ fuq il-pulptu? Biex ngħid il-verità lil min qed jismagħni jew biex bla mistħija nżiegħel bihom biex ifaħħruni?” Dan il-kliem intqal bejn id-duka t’Alba li mar għall-funzjoni reliġjuża u l-patri Agostinjan Ġwanni minn Sahagun li kien qiegħed jippriedka. Dak il-jum Ġwanni pprofitta mill-preżenza ta’ ħafna nobbli tal-belt u awtoritajiet ċivili, sabiex jikxef il-gvern ħażin u l-inġustizzji tal-prepotenti ma’ dawk li kienu dgħajfa.

Ġwanni twieled f’Sahagun fi Spanja għall-ħabta tal-1430. Meta kien għadu żgħir zijuh sablu post fil-kurja ta’ l-isqof ta’ Burgos u ġablu benefiċċju tal-knisja. Wara kien ordnat saċerdot, iżda meta kellu 33 sena Ġwanni waqa’ fi kriżi: ma setax jgħix mill-għalqa tal-Mulej bla ma jaħdimha. Għalhekk wara li miet l-isqof hu biddel ħajtu u daħal ma’ l-Agostinjani u ntefa’ b’ruħu u ġismu għall-apostolat, jippriedka l-paċi u l-ġustizzja soċjali. “Jekk xi ħadd jistaqsini fuq Ġwanni,” jirrakkonta wieħed li għex fi żmienu “fejn jidħlu l-foqra, il-morda, ir-romol, it-tfal sfruttati, nirrispondi li huwa kien iħoss fin-natura tiegħu li għandu jgħinhom bil-kelma t-tajba u bil-karità. Wara li waqqaf il-mibegħda u l-ġlied kellu f’moħħu li jġib il-paċi u l-ftehim fost kulħadd. Meta kien Salamanca li kienet imfarrka bi ġlied ċivili rnexxielu jwaqqaf straġi kbira”.

Bl-isforzi tiegħu bla waqfien biex iġib il-paċi fl-1476 in-nobbli ta’ Salamanca ffirmaw ftehim ta’ qbil bejniethom. Kienet l-Ewkaristija li hu kien jiċċelebra b’tant devozzjoni li tatu s-saħħa u l-kuraġġ. Miet fl-1479. Il-proċess tal-kanonizzazzjoni spiċċa billi fl-1601 sar beatu u fl-1690 sar qaddis. Il-fdalijiet tiegħu qegħdin fil-kattidral il-ġdid ta’ Salamanca, belt mimlija postijiet li fihom il-qaddis għamel opri ta’ qdusija f’ħajtu jew f’mewtu.

Xi tfisser il-kelma paċi? Jekk naraw ftit it-tifsira tagħha fil-Lhudi naraw li l-kelma shalom tfisser integrita’. Lkoll għaddejna minn mumenti fil-ħajja tagħna li fihom ma konniex fil-paċiu jekk niftakru ftit naraw li f’dan il-mument ħassejna li għandna xi ħaġa nieqsa, xi ħaġa li mhiex kompluta. U propju dak li jfisser meta ngħidu l-kelma paċi, li nkunu persuni sħaħ. U din il-paċi minfejn nistgħu nġibuha? Jekk inħarsu lejn San Ġwann minn Sahagun mill-ewwel insibu r-risposta għaliex naqraw li kien isib il-qawwa tal-paċi mill-Ewkaristija. U għalfejn? L-ewkaristija li nistgħu nsejħulha ukoll tqarbin, tfakkarna fil-kelma tqarreb, tressaq. Dan huwa l-iskop tal-ewkaristija li tqarribna lejn Alla u lejn xulxin. Jekk ikolna nistaqsu ftit lilna nfusna, kif nipprepara biex niċċelebra l-ewkaristija? Jew inkella immur biss għall-ewkaristija billi nismagħha u allura ma nipparteċipax, ma ninvolvix lili nnifis?

Mulej Ġesu’, nitolbok biex tkompli tagħtini l-qawwa sabiex qalbi tkompli timtela bil-paċi tiegħek biex inkun nista’ naqsamha mal-oħrajn.

Leave a Comment

Scroll to Top