Water Is Thicker Than Blood, an Augustinian Theology of Marriage and Singleness, ktieb ta’ Jana Marguerite Bennett, ippublikat mill-Oxford University Press fl-2008. Mit-titlu wieħed igħid – imma b’mod xjentifiku d-demm huma aktar oħxon mill-ilma, u allura għaliex dan it-titlu?
Dan il-ktieb jikkunsidra kif id-djar, l-familji u l-ħajja domestika huma relatati mal-Knisja. F’teoloġiji bikrija kienet iktar iglorifikata l-ħajja monastika bħala triq aktar diretta għall-ġid sopranaturali, filwaqt li ħassieba kontemporanji jaraw li ż-żwiġijiet u l-familji infushom jistgħu jwasslu għall-aktar soċjetà tajba.
Jana Bennett tinsisti li kemm iż-żwieġ u kemm li wieħed jibqa’ single għandhom jitqiegħdu f’kuntest tal-istorja nisranija tas-salvazzjoni, u dan biex wieħed jista’ jifhem il-mistoqsijiet u l-problemi li hemm. L-awtriċi issib li Santu Wistin huwa sors tajjeb għal riflessjoni fuq dawn it-temi. Ħafna kittieba illum jaqblu li x-xogħolijiet ta’ Santu Wistin influwenzaw ħafna fuq il-viżżjoni taż-żwieġ, tal-familja u tas-sess fid-dinja tal-Punent. Għalhekk ħafna wkoll jaqblu li l-influenza tiegħu hija ta’ detrement biex nifhmu dawn is-suġġetti b’mod san. Minkejja dan, Bennett, permezz tal-kitbiet ta’ Santu Wistin turi li ż-żwieġ u li wieħed jibqa’ single ma jistgħu ikunu ikkunsidrati b’mod separat u li gender issues huma importanti biex wieħed jikkunsidra dan kollu b’mod korrett. Wkoll, iktar importanti huwa li ż-żwieġ bejn Kristu u l-Knisja huwa l-ewwel punt li għandu jkun ikkunsidrat biex wieħed jifhem u jgħix dawn l-istati tal-ħajja. L-ilma tal-magħmudija huwa l-punt primarju fir-relazzjonijiet u mhux ir-rabtiet familjari, u għalhekk l-isem tal-ktieb.