San Tumas minn Villanova
1486 – 1555 AD
Twieled f’Fuenllana, Ciudad Real (Spanja) minn ġenituri reliġjużi u twajba u li minnhom wiret l-imħabba lejn il-proxxmu. Huwa ħa l-isem mill-belt Villanueva de los Infantes, li fiha marret toqgħod il-familja. Ta’ ħmistax-il sena bagħtuh biex jistudja fl-Università ta’ Alcalà fejn fl-1509 ħa it-titlu ta’ għalliem tal-loġika, fiżika u metafiżika. Għal tliet snin studja t-teoloġija u waqaf biss bejn l-1512 u l-1516 meta ħa l-katedra tal-loġika. Il-ħmistax-il sena li dam f’Alcalà wrew għal ħajtu kollha l-karattru tal-ħniena u tat-tjieba tiegħu.
Fl-1516 mar Salamanca biex jidħol fl-Ordni Agostinjan u ħa l-quddiesa fl-1518 meta kellu 32 sena. Is-superjuri mill-ewwel intebħu bl-għerf tiegħu u għalhekk beda jingħata ħatra wara l-oħra: sar Pirjol f’Salamanca (1519-21) u wara reġa’ ġie magħżul għas-snin 1523-1525, sar Viżitatur tal-Provinċja ta’ Castilla (1525-27), Provinċjal tal-Provinċja ta’ l-Andalusija (1527-29), Pirjol ta’ Burgos (1531-34), Provinċjal ta’ Castilla (1534-37) u reġa’ Pirjol ta’ Burgos (1541-44). Karlu V li kellu stima kbira lejh bħala wieħed importanti għar-riforma tar-renju tiegħu ħatru bħala predikatur u konsulent tiegħu u meta fl-1544 is-sede arciveskovili ta’ Valenzja kienet mingħajr isqof huwa ppreżentah bħala l-isqof ta’ din il-belt. Valenzja kienet f’qagħda spiritwali ħażina billi kienet ilha għal seklu mingħajr isqof, ħafna qassisin ma kinux mixjin tajjeb u l-mori kienu qed iqumu.
Tumas l-ewwel m’għamel kien li ikkristjanizza d-djoċesi mill-ġdid u biex jifforma kleru li b’għemilu jagħti xhieda vera waqqaf kulleġġ-seminarju fl-1550. Għajjat sinodu u mar jinvista l-paroċċi kollha b’id ħabrieka u ta’ veru missier.
Fost il-ħafna opri pastorali li għamel ta’ min isemmi tnejn minnhom: l-għajnuna lill-foqra u l-evanġelizzazzjoni tal-mori. Il-bżulija tiegħu u ħidmitu fost in-nies għamlu minnu bniedem ta’ rispett kbir għal żmienu u ta’ isqof ideali. Miet fl-1555 u ġie ddikjarat beatu fl-1618. Il-Papa Alessandru VII iddikjarah qaddis fl-1658. Il-fdalijiet tiegħu qegħdin fil-katidral ta’ Valenzja.